Żewġ karozzi inqerdu totalment filwaqt li tlieta oħra ġarbu ħsarat konsiderevoli f’San Pawl il-Baħar. Il-każ seħħ għall-ħabta tan-00:30 fi Triq Jean De La Cassier.
Jidher li għal xi raġuni karozza ħadet in-nar bil-konsegwenza li dan infirex fuq il-kumplament li kienu fl-inħawi. Il-vetturi li nħarqu totalment huma vann tat-tip Iveco kif ukoll Opel Tigra. Filwaqt li Land Rover, vann Peugeot Partner kif ukoll vann ieħor Mitsubishi sofrew minn xi ħruq fuq il-parti ta’ quddiem tal-vettura.
Fuq il-post marru l-pulizija mill-għassa ta’ San Pawl il-Baħar kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fejn prima face sabu ma’ wiċċhom nirien kbar. Sa issa għadu mhux stabbilit x’ikkawża dan in-nar.
Għal dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Marseanne Farrugia.