Xena ta’ qsim il-qalb hekk kif il-Ħadd il-Mużew Nazzjonali tal-Brazil f’Rio de Janeiro kważi nqered għalkollox minn nirien li ħakmuh. Mużew mill-ikbar tal-istorja naturali u l-antropoloġija.
Għal sigħat sħaħ madwar 50 pumpier issieltu mal-fjammi biex jitfu n-nirien li ħakmu din il-binja ta’ mitejn sena li fiha kien hemm mal-għoxrin miljun esibit, bosta minnhom rari, inkluż fdalijiet arkeoloġiċi, meteoriti, fossili u iżjed.
L-investigazzjonijiet qed jippruvaw jistabilixxu f’wassal għal dawn in-nirien. Nirien li kien l-allarm dwarhom wasal madwar sagħtejn u nofs wara l-għeluq tal-mużew għal dik il-ġurnata – element li wassal biex ħadd ma’ ndarab.
Intant bosta ħarġu jikkritikaw in-nuqqas ta’ fondi adegwati u investiment f’dan il-mużew, li dwaru kien hemm bosta lmenti li kien jinsab fi stat dilapidat. Għaldaqstant issa qed jingħad li din it-traġedja, wara kollox, setgħet ġiet evitata.