Fis-sigħat bikrin tal-lum, nirien kbar ħakmu parti minn scrapyard li tinsab fit-telgħa ta’ Garibaldi. Immedjatament fuq il-post waslu numru kbir ta’ ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bdew b’ħidma delikata sabiex jikkontrollaw in-nirien.
Fuq il-post niżlu bosta vetturi speċjalizzati tat-tifi tan-nar.
Minn informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon jidher li fil-post hemm ukoll ammont sostanzjali ta’ żjut u materjali tossiċi oħra li joħorġu mill-karozzi.
Minħabba l-kobor tal-inċident fuq il-post mar ukoll tim mediku bħala assistenza għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar.
Triq Garibaldi direzzjoni lejn Ħal Luqa tinsab magħluqa għat-traffiku, filwaqt li t-traffiku fid-direzzjoni opposta qed jingħadda minn toroq oħra f’Ħal Luqa.
Il-Ministru għas-Sigurtà Byron Camilleri fuq Facebook tenna li minkejja li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll, l-operazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili għadha għaddejja u mistennija tieħu ftit aktar ħin.
Il-Ministru Camilleri qal li waqt din l-operazzjoni qed jintuża l-apparat kollu li nxtara dan l-aħħar li huwa magħmul apposta għal inċidenti fuq skala industrijali.
Intant, fi stqarrija l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi l-ERA qalet li se tkun qed tinvestiga l-każ u tagħti l-għajnuna neċessarja lill-Pulizija.