Splużjoni segwita minn nirien kbar ħakmu l-uniku pont bejn il-Krimea u r-Russja.
Il-midja tal-Istat Russu qalet li kien trakk li sploda li kkawża dawn in-nirien. Dan bil-konsegwenza li vaguni li kienu qed iġorru ż-żejt ħadu n-nar, b’dan jinfirex għal parti tal-pont li minnu tgħaddi l-ferrovija.
Il-midja Russa żiedet tgħid li t-traffiku twaqqaf milli juża dan il-pont minħabba n-nirien li kkawżaw żewġ partijiet minnu li jiġġarrfu parzjalment.
Il-President Russu Vladimir Putin ordna li ssir inkejsta mill-Gvern tiegħu dwar dan l-inċident hekk kif dan il-pont huwa mira ewlenija tal-qawwiet Ukreni li qegħdin jattakkaw il-loġistika Russa.
Ir-Russja ħadet fil-kontroll tagħha l-Krimea lura fl-2014 u fl-2018, il-President Russu Vladimir Putin fetaħ dan il-pont, twil dsatax-il kilometru, bl-isem ta’ Kerch, li fost l-oħrajn, beda jintuża biex jinġarru armamenti militari Russu minn fuqu.