Ikomplu n-nirien f’Los Angeles u lbieraħ ġiet ordnata l-evakwazzjoni ta’ 31,000 persuna filwaqt li 23,000 oħra qegħdin fi stat li jistgħu jiġu evakwati minn mument għal ieħor f’komunitajiet remoti hekk kif nirien kbar qed jimxu b’pass mgħaġġel fil-muntanji fit-Tramuntana ta’ Los Angeles.
Dan huwa dovut għan-nixfa kbira li bħalissa hemm fin-Nofsinhar ta’ Kalifornja u reġgħu qamu rwiefen kbar qabel possibilment tinżel ix-xita fi tmiem il-ġimgħa.
In-nar Hughes beda l-Erbgħa filgħodu u malajr infirex fuq medda ta’ 40 kilometru kwadru, madwar 65 kilometru bogħod minn fejn għat-tielet ġimgħa għadhom għaddejin in-nirien ta’ Eaton u Palisades.
Fid-diskors inawgurali tiegħu, Donald Trump ikkritika l-azzjoni mittieħda rigward in-nirien u qal li għada l-Ġimgħa se jkun qed imur Los Angeles għalkemm skont uffiċjali lokali d-dettalji taż-żjara tiegħu għadhom mhux magħrufa.