Ħadd ma weġġa’ f’nirien li ħakmu substation, li tinsab taħt blokka privata t’appartamenti, fi Triq Patrick Stuart fil-Gżira. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, wara li żviluppa nar żgħir f’din is-substation tad-dawl.
Fuq il-post assistew membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li kkontrollaw in-nirien li ġew żviluppati. Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei wkoll kienu fuq il-post, bħala miżura ta’ prekawzjoni.
It-timijiet tekniċi tal-kumpanija Enemalta wkoll kienu preżenti fuq il-post biex jassistu lill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u jibdew it-tħejjijiet neċessarji għat-tiswijiet.
Ftit tal-ħin wara, l-Enemalta qalet li dawn in-nirien, waslu għal qtugħ fil-provvista tal-elettriku fl-inħawi li affettwa 3,276 klijent. Żiedet tgħid, iżda, li l-provvista tad-dawl fil-maġġoranza assoluta ta’ dawn id-djar u n-negozji ngħatat lura f’inqas minn siegħa.
Madankollu, dawk il-klijenti mqabbdin direttament ma’ din is-substation, li jammontaw għal madwar 300, kienu għadhom bla provvista u, f’dawn il-każi, kienet qed taħdem biex issolvi s-sitwazzjoni fl-iqsar ħin possibbli.