Kamra fi blokka ta’ appartamenti f’boutique hotel fi Triq ix-Xatt f’Tas-Sliema ħadet in-nirien is-Sibt waranofsinhar. Grazzi għal operazzjonili tmexxiet minn diversi membri mid-Dipartiment tal-Protezzjonin Ċivili, in-nirien ġew ikkontrollati u ma kienx hemm persuni midruba.
Fuq il-post marru diversi vetturi tat-tifi tan-nar, fejn f’din l-operazzjoni ntużat il-vettura tas-sellum l-għoli, hekk kif il-kamra li nħakmet min nirien fis-sulari ta’ fuq.
Din l-operazzjoni kienet waħda delikata, hekk kif il-kamra li nħakmet min nirien kienet fil-għoli u ‘l ġewwa sew mit-triq fejn kien hemm il-vettura tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-membri tal-Protezzjoni Ċivili bdew din l-operazzjoni billi evakwaw lin-nies li kienu viċin ta’ din il-kamra f’din il-lukanda, sabiex imbagħad intfew in-nirien. B’kollox din l-operazzjoni damet ftit inqas minn siegħa, sakemm in-nirien ġew ikkontrollati.
Kienu persuni li kienu fi stabbilimenti viċin din il-lukanda li ndunaw bin-nirien hekk kif bdiet tinxtam riħa ta’ ħruq u x’ħin ittawlu raw daħna sewda ħierġa minn kamra f’din il-lukanda.
Fuq il-post kien hemm membri tal-pulizija li għalqu ż-żona għat-traffiku waqt din l-operazzjoni, flimkien ma’ tim mediku mill-isptar Mater Dei.
Fuq il-post innutajna wkoll li xi persuni bdew jagħtu flixken tal-ilma lill-uffiċjali hekk kif bdew jaħdmu qatigħ f’xemx taqli l-ankri.