Il-Ħadd filgħaxija ġew evakwati bosta pazjenti, fil-maġġoranza tagħhom anzjani u ħaddiema mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li żviluppaw nirien f’kamra fejn jinżamm it-tagħmir tal-IT fl-isptar.
Fortunatament, ħadd ma weġġa’ kawża ta’ dan l-inċident hekk kif l-evakwazzjoni saret fi ftit tal-ħin u skont il-protokolli stabbiliti.
In-nirien ġew kkontrollati b’mod immedjat minn ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li fuq il-post assistew ukoll uffiċjali tal-Pulizija.
Kawża tal-inċident, duħħan qawwi nfirex f’diversi partijiet tal-isptar u b’hekk il-pazjenti fis-swali tan-nisa u tal-irġiel kellhom jiġu evakwati u rilokati fid-Dipartiment tal-Outpatients u fl-iskola Medika ta’ Barts, li tinsab biswit l-isptar.
Wara l-evakwazzjoni, il-pazjenti ġew eżaminati mit-tobba u infermiera fuq il-post u rriżulta li ħadd ma ndarab kawża ta’ dan l-inċident.
F’kumment li tat waqt li kienet għaddejja l-operazzjoni, il-President ta’ Stewards Malta, Dr. Nadine Delicata kkonfermat li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident u li kull pazjent kien sigur.
Qalet, “Dan in-nar ġie kkontrollat fi ftit minuti u biex żgur inkunu siguri l-pazjenti kollha ta’ dik is-sala u tas-sala ta’ maġenbha ġew evakwati u bħalissa jinsabu fil-parti l-kbira tagħhom ġewwa l-iskola ta’ Barts u ftit oħra ġewwa l-Outpatients tal-isptar. Ħadd ma’ weġġa f’dan l-inċident.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex marru fuq il-post fejn segwew mill-qrib l-operazzjoni li bdiet issir.
L-operazzjoni damet sal-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu x’ħin il-pazjenti kollha ttieħdu lura lejn is-swali fejn kienu qed jingħataw il-kura.
Dan seta’ jsir wara li l-awtoritajiet żguraw li s-swali huma siguri sabiex jerġgħu jilqgħu lill-pazjenti.