Raġel t’84 sena lbieraħ filgħaxija kien salvat min-nirien li ħakmu d-dar tiegħu bl-għajnuna tar-Rapid Intervention Unit filwaqt li bintu ta’ 49 sena ndarbet gravi fl-istess inċident.
Il-każ seħħ ftit qabel l-21:45 fi Triq San Pietru u San Pawl, l-Isla.
Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li r-raġel inqabad fis-sular ta’ fuq tar-residenza tiegħu wara li kien ħa n-nar saqqu. Kif ra li ma setax joħroġ, ħareġ fil-gallarija jgħajjat għall-għajnuna. Numru ta’ ġirien minnufih ippruvaw jassistuh sakemm waslu r-Rapid Intervention Unit li eventwalment niżlu lir-raġel bl-għajnuna tal-istess ġirien.
Sadattant, it-tifla tiegħu rnexxielha toħroġ mid-dar waħidha.
Il-missier ma sofra ebda ġrieħi iżda l-bint ittieħdet l-Isptar Mater Dei minħabba ħruq f’diversi partijiet ta’ ġisimha. Hemmhekk, hi kienet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ta’ natura gravi.