Raġel ta’ 30 sena mill-Ħamrun jinsab fil-periklu tal-mewt f’nirien kbar li tkebbsu għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar f’maħżen tad-dgħajjes f’Ħal Farruġ.
Xhieda fuq il-post qalu lil one.com.mt li n-nar tkebbes waqt li l-Ħamruniż kien qed jagħmel xi xogħol fuq waħda mid-dgħajjes flimkien ma’ żewġ irġiel oħra li ma ġarrbu l-ebda ġrieħi.
In-nar tant kien qawwi li spiċa nfirex u ħakem madwar tletin biċċa tal-baħar oħra b’għadd minnhom iġarrbu ħsarat kbar tant li l-ħsara hi stmata li tlaħħaq l-eluf kbar ta’ ewro.
Fuq il-post marru erba’ vetturi tat-tifi tan-nar bil-pumpiera kellhom biċċa xogħol iebsa biex jissieltu l-ilsna tan-nar u dħaħen kbar li sewdu s-smewwiet.
Il-pumpiera tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mmexxija mis-Sur Emmanuel Psaila, ħadmu qatigħ biex fi ftit ħin taw l-ewwel għajnuna u saħansitra salvaw żewġt iklieb li nqabdu fid-dħaħen u n-nirien.
Fuq il-post issejħu wkoll żewġ ambulanzi li ħadu lill-vittma l-isptar.
Tul l-operazzjoni, il-Pulizija għalqet it-triq għat-tfaffiku waqt li r-residenti qrib iż-żona milquta ġew evakwati mill-proprjetajiet tagħhom.
B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali bil-każ qed ikun investigat mill-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi.
Filmati: Kimberley Portelli
Filmat: Sam Dimond