16:30: Is-sezzjoni tal-Emergency Fire & Rescue qed jgħinu fil-ħidma sabiex in-nirien jiġu kkontrollati.
Membri oħra mill-istess sezzjoni jinsabu lesti fl-istess żona flimkien ma’ ambulanza tas-sezzjoni f’każ ikun hemm bżonn ta’ assistenza medika li jaf jiġu bżonn persuni li huma esposti għas-sħana u d-duħħan ikkawżati min-nirien.
Apparti minn hekk membri tal-istess sezzjoni jinsabu stazzjonati fl-istazzjon ta’ Kordin f’każ li jinqala’ każ fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Ritratt: EFRU
16:13: Persuni minn fuq il-post ikkonfermawlna li ħadd ma weġġa’ waqt dan l-inċident.
16:11: Fuq il-post bħalissa hemm iċ-Chairman tal-Enemalta, Frederick Azzopardi flimkien mal-ħaddiema tal-Enemalta fejn bdew jisskonnettjaw il-wires tal-elettriku miċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni li hemm fil-viċin.
Huma se jkunu qed jippruvaw iħaddmu dan iċ-Ċentru bl-inqas elettriku possiblbli, dan sabiex il-pubbliku xorta waħda jinqeda mill-aħjar possibbli.
15:45: In-nirien għadhom ma ġewx ikkontrollati fil-waqt li membri tal-Protezzjoni Ċivili għadhom għaddejjin bil-ħidma sabiex iwaqqfu n-nirien hekk kif hemm bżonn għadd ta’ bowsers tal-ilma biex jintfew in-nirien.
Fuq il-post hemm il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera.
15:15: Il-Protezzjoni Ċivili ħarġet avviż għar-residenti li huma qrib l-impjant biex jgħalqu kull bieb u tieqa; hekk kif id-duħħan jista’ jkun tossiku.
Jekk hemm xi ċans li dan id-duħħan jista’ xorta waħda jidħol fir-residenza permezz ta’ xi ventilatur, importanti li r-residenti jevakwaw ir-residenza.
14:47: Fuq il-post waslu membri tal-Protezzjoni Ċivili fejn bħalissa qed jagħmlu ħilithom biex jikkontrollaw in-nirien minn entratura tal-Impjant.
Fuq il-post issejħet aktar assistenza ta’ karozzi tat-tifi tan-nar hekk kif hemm bżonn aktar bowsers tal-ilma.
Aktar Qabel: Nirien kbar ħakmu l-impjant ta’ Sant’Antnin ta’ Marsaskala. Jidher li ħa n-nar plastic irriċiklat li kien lest biex ikun esportat.
Ftit tal-ħin wara, n-nirien infirex u ħakem il-maġġor parti tal-impjant.
Il-ħaddiema kollha ġew evakwati miż-żona u kif ukoll il-vetturi li kienu fuq il-post.
Fuq il-post issejħu membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jikkontrollaw in-nirien. Id-duħħan ikkawżat min-nirien kbar qed jintlemaħ minn diversi lokalitajiet madwar Malta; fosthom mill-Waterfront tal-Belt Valletta, minn Birkirkara, minn SmartCityu kif ukoll mill-Mosta.
Is-sewwieqa qed jiġu avżati biex jevitaw din iż-żona u jsibu rotta alternattiva hekk kif it-toroq jinsabu magħluqin.
Ritratti u Filmat minn fuq il-post miġbudin minn; Neil Azzopardi Ferriġġi u Gabriel Cassar
Kif jidher id-duħħan ikkawżat min-nirien, minn lokalitajiet oħra
Ritratt mill-għoli: Quillan Demicoli