Kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-6:00, ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa biex jitfu nirien li ħakmu l-komun ta’ blokka t’appartamenti fi Triq Victor Denaro, l-Imsida.
Waqt li bdiet ħidma mill-ewwel biex jikkontrollaw in-nirien, ir-residenti kollha tal-appartamenti ġew evakwati. Fuq il-post issejħu wkoll il-Pulizija u tim mediku biex jassistu lill-familji affettwati, waqt li ħaddiema tal-Enemalta qatgħu l-provvista tad-dawl bħala prekawzjoni.
Minn investigazzjoni preliminari, jirriżulta li kien hemm xi ħsarat fil-meters tal-appartamenti u b’hekk żviluppa n-nar. Fortunatament ħadd ma weġġa’.