Il-Partit Laburista mill-gvern qed jerġa’ jġib bidla importanti u storika.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, li nnutat kif bl-emendi li qed iressaq il-Gvern għall-Kodiċi Kriminali, se jkun assigurat li l-bidliet iħarsu mara tqila li tista’ tiffaċja diffikultajiet serji kawża ta’ kumplikazzjoni medika waqt it-tqala.
Fl-istess ħin jingħata wkoll serħan il-moħħ li jkun hemm fis-seħħ il-proċeduri meħtieġa biex tkun eskluża l-possibbiltà ta’ xi abbuż minn din il-bidla importanti.
Il-Partit Laburista nnota kif fil-pajjiż, kien hawn min qal, fuq quddiem nett l-oppożizzjoni, li din il-bidla ma kienx hawn bżonnha għax il-liġijiet tajbin kif inhuma.
Il-Partit Laburista mill-gvern ma qabilx. Fil-fatt il-gvern resaq ’il quddiem biex jemenda l-Kodiċi Kriminali, wara li l-avukat tal-Istat ġibed l-attenzjoni li anke meta t-tmiem ta’ tqala jkun riżultat ta’ intervent mediku li hu maħsub biex isalva ħajjet l-omm, tinkiser il-liġi u l-omm u min jagħmel l-intervent ikun suġġett għal proċeduri kriminali.
Il-Partit Laburista temm jgħid li se jibqa’ l-partit li ma jibżax mill-bidla, speċjalment meta din il-bidla tkun maħsuba biex iġġib ġustizzja soċjali bħalma huma dawn l-emendi li jipproteġu lil mara u lill-professjonisti, u jagħtu serħan il-moħħ lil kulħadd.