L-artisti u l-awturi Maltin u Għawdxin, l-imħuħ kreattivi fl-Ewropa u l-media indipendenti għandhom jiġu protetti u mħallsa b’mod ġust għax-xogħol li jwettqu, qal Alfred Sant fil-Parlament Ewropew meta ivvota favur rapport dwar il-Copyright fis-Suq Diġitali Ewropew.
Dr Sant qal li l-ġibda lejn aġir konsumist qed tpoġġi f’riskju l-kwalita` tal-kontenut disponibbli ‘online’.
“Li nibżgħu għall-kittieba u l-artisti Ewropej hija garanzija u inċentiv għal kontenut ta’ kwalita`, li fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ benefiċċju għal dawk li jużaw is-servizzi ‘online’,” irrimarka l-Ewroparlamentari.
Dr Sant qal li t-tendenza llum hija li l-kumpaniji l-kbar tal-internet jaħtfu ħidmet ta’ min hu kreattiv u jużawh fil-qafas ta’ attivitajiet ta’ riklamar. Jekk ma jsir xejn, se jkun hemm diżinċentivi dejjem akbar għall-individwi li kapaċi joħolqu.
“Id-direttiva li qed tiġi proposta fuq il-‘copyright’ fis-suq diġitali Ewropew tidher li toffri soluzzjoni, għax issaħħaħ il-garanziji għall-awturi. Tiggarantixxi trasparenza ekonomika u minkejja l-kontroversji, id-direttiva mhux se tbiddel il-mod kif il-kontenut jiġi ixxerjat fuq l-internet. Il-bażi legali għal użu tal-‘copyright’ tibqa’ l-istess iżda se tipprovdi aktar sigurta` mill-abbużi. Barra minnhekk, id-direttiva tipprovdi eċċezzjonijiet f’każ ta’ użu ta’ xogħlijiet li mhumhiex kummerċjali bħal patrimonju kulturali u istituzzjonijiet edukattivi.” qal Alfred Sant.
Wara li ġiet irrifjutata f’Lulju, reġa’ ttieħed vot fil-Parlament Ewropew fuq id-direttiva tal-‘copyright’ li issa ġiet approvata b’438 voti favur, 226 voti kontra u 39 astensjoni. Dan il-vot qed jiġi kkonsidrat bħala pass kbir lejn ir-riforma meħtieġa tal-‘copyright’ f’kuntest diġitali. Id-direttiva tiżgura li min juża l-internet igawdi mil-liberta` tal-espressjoni u fl-istess ħin tipproteġi lill-individwi li joħolqu kontenut ġdid – biex ikunu mħallsa ġustament għax-xogħol li jkunu wettqu.