“Minkejja r-realtajiet diffiċli li għaddejjin madwar id-dinja, pajjiżna qiegħed jibqa’ ffukat biex jibqa’ miexi ‘l quddiem.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt attività politika fiċ-Ċentru Laburista tan-Naxxar il-Ħadd filgħodu.
Quddiem folla mill-isbaħ li nġabret biex tisma’ l-messaġġ tal-Prim Ministru wara ġimgħa impenjattiva ta’ ħidma, Dr Abela emfasizza li l-miżuri tal-Baġit li ġew imħabbra ftit tal-ġimgħat ilu, huma sostennibli għax pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha.
Fil-fatt, il-Prim Ministru tkellem fuq kif qed jogħlew b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-enerġija f’diversi pajjiżi, u kif fl-aħħar jiem, il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ’l isfel it-tkabbir ekonomiku li mistennija jkollha l-Unjoni Ewropea.
Però filwaqt li għaddej dan kollhu, Dr Abela spjega li f’Malta r-rata tat-tbassir ekonomiku żdiedet ukoll għas-sena li ġejja b’erba’ darbiet akbar mill-medja Ewropea.
Qal, “Konna diġà l-iktar pajjiż li kellu imbassra rata ta’ tkabbir ekonomiku qawwija imma l-esperti Ewropej ħassew li kellhom għal darb’oħra jerġgħu jirreveduha ’il fuq. Dawk huma r-riżultati ta’ tmexxija ekonomija serja u kreddibli. Xi tbassar għal pajjiżna l-Kummissjoni Ewropea f’dak li jidħol tkabbir ekonomiku? Tkabbir 4% jiġifieri 4 darbiet aktar il-medja Ewropea.”
Rigward il-ħolqien tax-xogħol, il-Prim Ministru spjega li l-Kummissjoni Ewropea qed tbassar ukoll li Malta se jkollha l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Bassret ukoll li Malta se tkun fost dawk bl-aqwa żieda fil-produttività.
Il-Prim Ministru tenna li dan ma jiġix waħdu imma huwa frott ta’ ħidma kontinwa hekk kif l-Baġit għas-sena d-dieħla jinkludi 240 miżura mill-Manifest Elettorali ‘Malta Flimkien’.
Qal, F’pajjiżi oħra, popli madwarna Ewropej tafu x’qegħdin jirċievu? Kontijiet ogħla tal-enerġija, qed jirċievu kontijiet ogħla tat-taxxa filwaqt li f’pajjiżna l-poplu se jirċievi ċ-ċekkijiet. Dawn huma l-kisbiet li qed jagħmlu differenza kbira fil-kwalità tal-ħajja tagħkom. Meta jsaqsukom għaliex jeżisti l-Partit Laburista, weġbuhom li biex itejjeb il-ħajja tan-nies.”
Intant, minkejja dan kollu, Dr Abela fakkar kif il-Partit Nazzjonalista kien qal li l-kumpaniji ta’ servizzi finanzjarji se jaħarbu minn pajjiżna jekk huma ma jkunux fil-Gvern. B’kuntrast din il-ġimgħa wriet kemm is-settur tal-gaming u dawk finanzjarji ssaħħu meta Malta ospitat għal sena oħra Sigma Europe.
Il-Prim Ministru aċċenna wkoll għar-riżoluzzjoni li poġġa dan il-Gvern din il-ġimgħa quddiem l-Ġnus Maqgħuda li tindirizza s-sitwazzjoni fil-Palestina u Iżrael. Il-Prim Ministru rrimarka li fuq livell internazzjonali dejjem irid jibqa’ jiġi mbottat t-twemmin tal-paċi.
Qal, “Irid ikun hemm tliet elementi, il-pawża umanitarja dik fl-immedjat, il-waqfien mill-ġlied u l-paċi dejjiema bit-twaqqif permanenti tal-ġlied. U ara ma tħallux lil min jgħildkom li din il-pożizzjoni tagħna hija bħall-pożizzjoni ta’ ħaddieħor. Din hija pożizzjoni li qed nieħdu aħna, ħafna iktar b’saħħitha minn ta’ ħaddieħor u ħafna differenti milli qiegħed jieħu ħaddieħor.”
Dr Abela temm b’messaġġ ċar li Malta Ġusta tinkiseb biss jekk isir djalogu man-nies u li fl-istess waqt issir ħidma favur il-ġid komuni. Huwa qal li fi żmien ta’ sfida bħal ma’ għaddejjin minnhom bħalissa, huwa biss il-Partit Laburista li jibqa’ jsaħħaħ lil pajjiżna favur il-prinċipju ta’ Malta Ġusta.
Qal, “Irridu nibqqħu konvinti. Fi żmien bħal dan pajjiżna għandu bżonn tim li huwa kompetenti. Għalhekk hu biss il-Partit Laburista li jista joffri s-soluzzjonijiet għal dan il-pajjiż. Huwa biss dan il-Gvern li jista jieħu d-deċiżjonijiet ħa mmexxu l-pajjiżna ’l quddiem. Biex insaħħu lil pajjiżna lejn Malta Ġusta. Biex niksbu prosperità ġdida. Insaħħu Malta tagħna flimkien.”