Ġie organizzat seminar dwar l-importanza tal-konsum tal-ħut għal dieta bilanċjata, bl-isem ‘Ninvestu f’Saħħitna’.
Is-seminar, organizzat mis-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, ġie indirizzat minn numru ta’ kelliema li tkellmu dwar bosta temi, fosthom l-importanza li wieħed jiekol b’mod bnin u li jinkludi l-ħut fid-dieta tiegħu biex jieħu n-nutrijenti meħtieġa u jagħmel aktar eżerċizzju fiżiku.
Fost il-kelliema f’dan is-seminar kien hemm is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Alicia Bugeja Said. Hi tkellmet dwar il-ħtieġa u l-importanza li n-nies jinkludu aktar il-ħut fid-dieta tagħhom.
Qalet, “Permezz tas-seminar tal-lum u l-kelliema differenti li qasmu magħna tagħrif importanti dwar il-benefiċċju tal-konsum tal-ħut għal saħħitna qed naraw li nkomplu nqajmu kuxjenza sabiex dak li jkun jinkorpora aktar ħut fid-dieta tiegħu. Għalkemm hawn perċezzjoni li l-ħut huwa għoli u mhux affordabbli, fil-verità għandna diversità ta’ ħut li huwa aċċessibbli u affordabbli għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.”