Il-Prim Ministru Grieg Kyriakos Misotakis qal li l-Greċja bħalissa tinsab fi gwerra minħabba n-nirien qawwija li hemm fil-pajjiż.
Dan hekk kif minn Nofsinhar tal-gżira ta’ Rodi ġew evakwati madwar 19,000 persuna, bil-maġġoranza tagħhom turisti li jinsabu fuq btala.
Dawn in-nirien qawwija huma kawża tas-sħana qawwija li qed tolqot lill-pajjiżi fir-reġjun tal-Mediterran.
Is-servizzi tan-nirien tal-gżira qed jgħidu li żdiedu sew in-nirien fuq il-gżira matul il-lejl, u s-sitwazzjoni f’Korfu u f’Evia mhix kompletament taħt kontroll.
Mijiet ta’ turisti diġà telqu minn Rodi, b’ħafna minnhom spiċċaw jorqdu fi skejjel, ajruport u ċentri sportivi, sakemm jistennew it-titjiriet.
Il-Prim Ministru Grieg mistenni jiddiskuti s-sitwazzjoni aktar tard dalgħodu, fost tħassib fuq l-impatt fuq l-industrija turistika.
Il-mewġa tas-sħana fl-Ewropa m’għenet xejn fil-kundizzjonijiet xotti li wasslu għal nirien fil-Greċja, fi Sqallija, fil-Kroazja, fl-Alġerija u fit-Tuneżija.
Intant, ilbieraħ il-Prim Ministru Grieg, Mitsotakis irringrazzja lil Malta u lill-Prim Ministru Robert Abela tal-għajnuna li bagħtet Malta fil-Greċja.
Dan hekk kif minn pajjiżna ntbagħtu 20 uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkumbattu dawn in-nirien.
AQRA AKTAR: