L-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli qal li se jirrinunzja l-permess ta’ żvilupp ta’ villa fl-inħawi tal-Muxi fil-Qala. Huwa qal li qed jagħmel dan minn jeddu b’effett immedjat. Fi stqarrija, saħaq li l-każ tiegħu ngħata attenzjoni mill-midja.
B’reazzjoni għal dan is-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttigieg qal li jinsab ferħan u sodisfatt biex b’hekk ma jinfetħux preċedenti għall-żviluppi oħrajn.
“Ferm ferħan u sodisfatt anke f’isem in-nies tal-Qala. Nemmen li l-proġett ma seħħx minħabba l-outcome tan-nies li kien hemm. Mhux ċajta, għaliex dan il-proġett kien se jiftaħ il-floodgates fuq inħawi oħra bħall-Qala,” stqarr Buttigieg.
Fuq dan il-każ, meta nhar il-Ħamis ġie approvat il-permess mill-Awtorità għall-Ippjanar, il-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista tal-Qala kien saħaq li se jappella mid-deċiżjoni u oppona bil-qawwa dan l-iżvilupp.
Il-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista kien saħaq li l-post għandu jibqa’ jżomm il-karatteristiċi rurali tiegħu.
Anki l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kienet qalet li fil-prinċipju dan l-iżvilupp huwa inaċċettabbli. Iċ-Chairman tal-ERA, il-Professur Victor Axiak ivvota kontra l-iżvilupp propost.
http://www.one.com.mt/2019/11/02/l-izvilupp-ta-villa-fil-qala-mhux-se-jsir/