“L-artisti Għawdxin jistħoqqilhom inkoraġġament biex jesebixxu x-xogħlijiet artistiċi tagħhom fl-Ewropa. It-toroq kollha li joħolqu opportunitajiet għal artisti li jgħixu fuq gżira fil-periferija tal-Ewropa għandhom jiġu kkonsidrati,” qal Alfred Sant waqt żjara fil-Gallerija tal-Arti ART CUBE, Triq l-Imġarr ix-Xewkija Għawdex, b’xogħlijiet artistiċi tal-artist Għawdxi Christopher Saliba.
L-artist bena reputazzjoni bħala wieħed mit-talenti awtentiċi li toffri l-gżira Għawdxija. Christopher Saliba kien wieħed minn erba’ artisti Għawdxin li f’Marzu li għadda ġew mistiedna mill-Ewroparlamentari Malti biex jesebixxu xogħlijiet artistiċi dwar ir-realtajiet u l-aspirazzjonijiet Għawdxin fil-Parlament Ewropew.
Alfred Sant qal li l-esebizzjoni ‘Għawdex Iħaddan il-Bidla’ kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi tiegħu fil-Parlament Ewropew.
Chris Saliba qal li l-fatt li artisti Għawdxin ġejjin minn gżira żgħira u fil-periferija tal-kontinent Ewropew, jixprunahom biex ikunu aktar kreattivi.
“Il-prodott artistiku tiegħi huwa ħlejqa li tagħti ġieħ lill-ġmiel naturali tal-gżira tagħna mżewqa mill-interventi kawti tal-bniedem u mfassla matul is-snin biex taw karatteristiċi uniċi lill-gżira. Dan il-wirt kulturali huwa għal qalbna fi żmien fejn inħaddnu l-bidliet f’livell soċjali u infrastrutturali. Ix-xogħlijiet artistiċi tiegħi huma xhieda ta’ dak li konna u għadna; jesprimu l-ħtieġa li nibżgħu għal identita` u l-wirt tagħna fit-tiftixa għal bilanċ bejn l-aspettattivi u t-talbiet tal-kontemporanjetà.” qal Christopher Saliba lil MEP Malti.
Dr Sant feraħ lill-artist Għawdxi għall-kreattività u l-intraprenditorija tiegħu biex jesebixxi xogħlijietu f’Għawdex. Dan jagħti lil viżitaturi Maltin u barranin f’Għawdex l-opportunita` li jaraw u jiksbu xogħlijiet ta’ arti ta’ kalibru għoli, irrimarka l-MEP Malti.