“Ningħaqdu flimkien kontra l-vjolenza domestika”.
Dan kien il-messaġġ li għaddiet mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, f’artiklu opinjoni fuq il-gazzetta The Sunday Times.
Dr. Lydia Abela tenniet li l-poplu Malti u Għawdxi huwa magħruf għall-qalb tajba li għandu u dawn is-sittax-il jum ta’ attiviżmu dwar aktar kuxjenza kontra l-vjolenza domestika, huma xhieda ta’ kemm il-poplu huwa kommess li juri l-valuri ta’ mħabba u rispett li għandu lejn kulħadd.
Dr Abela tkellmet dwar l-importanza tal-għarfien biex in-nies jindirizzaw u jipprevjenu l-isfida tal-vjolenza domestika waqt li joffru dinjità lil dawk li għaddew minn dawn l-esperjenzi.
Qalet li t-tema ta’ din is-sena ‘Beat the Silence’ tmur id f’id mal-ħidma fejjieda li qed issir kontra diversi sfidi mhux biss b’rabta mal-vjolenza domestika, imma wkoll dawk marbuta ma’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, li sfortunatament hija realtà fis-soċjetà tagħna.
Irrimarkat li dan isservina ta’ tfakkira li ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal dawn id-diffikultajiet li qed jaffaċjaw nisa, l-irġiel u anka tfal.
Dr. Lydia Abela qalet li din il-kampanja propju timmotivana biex inqumu u naħdmu kontra dawn l-inġustizzji.
Tenniet li l-miżuri li qed jiġu implimentati mir-rapport Valenzia wara l-femiċidju ta’ Bernice Cassar, u li fil-fatt laħaq rata ta’ implimentazzjoni ta’ sebgħin fil-mija, huma sinifikanti biex issir bidla f’dan is-settur bħal pereżempju investiment akbar fil-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam.
Hija qalet li l-ħaddiema li jaħdmu biex jgħinu lill-vittmi ta’ vjolenza domestika huma eroj u d-dedikazzjoni tagħhom hija apprezzata ħafna.
Semmiet ukoll li għaddejja ħidma fuq hubs attrezzati li joffru ambjent denju għal vittmi ta’ vjolenza domestika. Dawn il-hubs se jkunu ta’ għajnuna kbira lill-vittmi u l-familja tagħhom biex iħossuhom komdi jiftħu qalbhom.
Dr Lydia Abela semmiet li ddaħħlu liġijiet ġodda li jmorru id f’id ma’ aktar miżuri mħabbra fil-Baġit għas-sena d-dieħla, fosthom l-introduzzjoni tal-panic alarms, li javżaw lill-Pulizija meta persuna tkun f’riskju ta’ vjolenza domestika.
Dr Abela qalet li l-edukazzjoni wkoll hija ċ-ċavetta ta’ kollox. Aċċennat li l-edukazzjoni lil dawk li qed jesperjenzaw il-vjolenza domestika hija importanti ħafna biex jerġgħu jiksbu l-kontroll ta’ ħajjithom.
Sostniet ukoll li meta persuna ssaqsi għall-għajnuna mhuwiex sinjal ta’ djufija imma tirrifletti l-kuraġġ u reżiljenza.
Hija temmet tgħid li naħdmu kemm naħdmu f’dan is-settur, qatt mhu biżżejjed. Anzi rridu nkomplu naħdmu flimkien, għaliex nistgħu nkomplu noħolqu soċjetà aktar inklussiva u ħielsa mid-dellijiet tal-vjolenza domestika.