Il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li il-Budget għas-sena d-dieħla se jkun baġit ieħor li m’hu se jieħu xejn lil ħadd u huwa baġit li se jrodd lura lil min hu bieżel.
Fil-preżenza ta’ diversi familji u pensjonanti li ħonqu ċ-ċentru Laburista ta’ Ħal Għaxaq, Dr Muscat sostna li l-għan tal-Gvern huwa li jippremja l-ħaddiema kollha.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat spjega“l-ewwel nett dak li nipprmejaw u nirrispettaw lill-familji illi jaħdmu u li huma bieżlin. dawk in-nies li ħaqqhom li filgħodu jqumu għax-xogħol u qatt ma talbu jew riedu xejn mill-gvern dawk in-nies aħna rridu nippremjawhom.”
Dan hekk kif il-Gvern mhu se jieħu xejn lil ħadd iżda se jagħti lura lill-familji Maltin u Għawdxin.
“Nippremjawhom billi l-ewwel nett ngħamlulhom ħajjithom aktar faċli, t-tieni nett billi ma nżidux il-piżijiet u t-tielet nett fejn nistgħu nagħtu xi ħaġa lura natuhielom lura lil dawn il-familji”, sostna l-Prim Ministru, Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ iżjed għarfien dwar il-klima u sostna li l-pass li jmiss favur dan l-għan huwa li titħabbar id-data li fiha jieqfu jiġu importati vetturi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel. Dan iġib miegħu sfidi kbar fosthom bdil fl-infrastruttura tad-djar.
Il-Prim Ministru semma wkoll li l-Gvern ma jridx li il-piż tad-deċiżjoni tiegħu taqa’ fuq dawk li jixtru karozzi li jaħdmu b’enerġija nadifa.
Il-Prim Ministru tenna “Inti tipluggja l-karozza bil-lejl. L-arloġġ se jibda jagħqad. Tgħidli mela sewwa inti ġielħtni ma nużax karozza kif għedtli inti, l-arloġġ qed jgħaqad u l-kont qed jogħla issa. Alura rridu naħsbu u għada jekk alla jrid nagħtu l-ewwel sinjali biex min jixtri karozza bħal din u jqabbadha mal-lejl ikollu rata preferenzjali bil-lejl biex jiċċarġja l-karozza.”
Faxxa oħra tas-soċjetà li se terġa tkun qed tara żieda fid-dħul hija dik tal-pensjonanti. Wara li f’dawn l-aħħar ħames snin dawn raw żieda fil-pensjonijiet, fil-budget 2020 se jerġa’ jiġri l-istess.
Il-Prim Ministru temm jgħid: “Jien għalija l-kategorija l-kbira li hija l-priorità tiegħi personali u tal-Gvern huma l-pensjonanti tagħna. Dawk huma l-aktar nies li aħna rridu ngħinu u li qegħdin fuq nett tal-aġenda soċjali ta’ dan il-Gvern.”
Il-Prim Ministru fisser kif l-għaqda fil-Partit Laburista hija kruċjali għal dan is-suċċess u finalment reġa’ tenna li fil-baġit tat-Tnejn filgħaxija l-Gvern mhu se jieħu xejn u jagħti dak li jista’ lil kulħadd.