“Ma jistax ikollna strateġija effettiva għall-immigrazzjoni, mingħajr l-involviment ukoll tal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, flimkien ma’ miri ċari li jinħadmu id f’id ma’ dawn il-pajjiżi.” Din kienet dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela meta indirizza t-Trans-Mediterranean Migration Forum fil-kapitali Libjana, Tripli.
Dan il-forum kien organizzat mill-Gvern Libjan u għalih attendew diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u mill-Afrika.
Il-Prim Ministru Malti mhux biss indirizza laqgħa bejn il-mexxejja, iżda anke dan il-forum. Hawnhekk hu tkellem dwar prinċipju ewlieni li titkellem dwaru b’mod konsistenti Malta, dak li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni tiġi indirizzata mill-għeruq, b’koperazzjoni strateġika ma’ kulħadd biex tevita t-tluq tal-immigranti mill-Afrika lejn l-Ewropa.
Fl-indirizz tiegħu, Dr Abela semma żewġ kategoriji ta’ immigranti, dawk li jaħarbu minn pajjiżhom minħabba konflitti u dawk għal raġunijiet ekonomiċi. Qal li ż-żewġ tipi jeħtieġu soluzzjonijiet speċifiċi bl-involviment tal-pajjiżi tal-oriġini, ta’ tranżitu u dawk li jaslu fihom.
Il-Prim Ministru Malti sostna li l-appoġġ finanzjarju lejn dawn il-pajjiżi biex jiżviluppaw u joħolqu l-ġid u l-opportunitajiet għall-popli tagħhom irid isir b’mod għaqli u l-Ewropa trid tibqa’ tara li l-investiment, li qed tagħmel, qed tieħu lura valur minnu.
Mal-mexxejja fi Tripli, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara wkoll b’mod b’saħħtu favur aktar koperazzjoni li trid tiġi minn pajjiżi ta’ oriġini fir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tagħhom li jkunu nstabu li qed jgħixu illegalment fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni u li ma ħaqqhomx l-ażil.
Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru rrimarka wkoll kif Malta ilha timbotta fuq livell Ewropew favur koperazzjoni strateġika bejn l-Ewropa u l-Afrika. Innota kif pajjiżi ta’ tranżitu, bħal-Libja, diġà qed jagħmlu ħafna u li l-isfida tal-immigrazzjoni mhix ta’ pajjiż wieħed, imma għandha bżonn sforz kollettiv minn kulħadd.
Dr Abela semma wkoll il-Valletta Summit dwar l-immigrazzjoni, li kien sar fostna fl-2015 u qal li l-prinċipji li tfasslu fih għadhom relevanti sal-lum, bil-bżonn, aktar minn qatt qabel, ta’ strateġiji li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u jnaqqsu l-aptit għall-immigrazzjoni irregolari.