Fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela ċċara l-fatti dwar l-annullament tal-konċessjoni tal-isptarijiet quddiem il-propaganda tal-Partit Nazzjonalista.
Dr Abela għamel dan waqt diskussjoni parlamentari fuq l-istess deċiżjoni tal-Qorti Ċivili dwar il-konċessjoni ftit tal-jiem ilu.
Diskussjoni parlamentari li kienet ikkaratterizzata minn għajjat u isteriżmu sfrenat mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista, b’tentattiv li jostru u jtellfu l-Prim Ministru milli jiċċara l-fatti dwar din il-konċessjoni u d-deċiżjoni dwarha.
Dr Abela, bil-fatti, semma d-deċiżjonijiet li ħa hu u l-Gvern li jmexxi, b’rabta ma’ Steward mill-2020 ’il quddiem.
Il-Prim Ministru beda billi qal li l-ftehimiet ġew iffirmatI fl-2016 filwaqt li huwa ġie elett bħala deputat wara li dawn l-istess ftehimiet kollha kienu ġew ffirmati.
“It-tieni fatt – għaliex jiena hawnhekk nitkellem bil-fatti u mhux bl-ispekulazzjoni – fl-aħħar 3 snin fil-konfront ta’ Steward Healthcare ħadna pożizzjoni konsistenti. Dejjem għidnilhom ‘Pacta Sund Servanda’, li jfisser li l-pattijiet u l-obbligi legali qegħdin hemm biex jiġu osservati.”
Dr Abela sostna wkoll li, minn Jannar tal-2020 ’il quddiem, il-Gvern fittex lil Steward Healthcare għall-arretrati tat-taxxa li akkumulaw tant li llum Steward stess daħħlet lill-Gvern il-Qorti fuq kontestazzjoni legali.
“Fatt ieħor, Sur President: minn Jannar tal-2020 ’il quddiem, lil Steward HealthCare ma tajniha l-ebda pagament għajr għal dawk li kienu joħorġu mill-ftehimiet li kienu diġà ffirmati. Fatt ieħor Sur President: iva, Steward Healthcare ġiet għandna darba, tnejn, tlieta u talbitna biex nirrevedu u nimmodifikaw il-ftehimiet eżistenti. Id-deċiżjoni finali tagħna kienet li ma se jinbidel xejn dwar ebda wieħed mill-ftehimiet li kien hemm eżistenti.”
Madankollu, il-Prim Ministru ma waqafx hawn.
“Punt, Sur President li s’issa konventament, l-eks Kap Nazzjonalista Dr Adrian Delia naqas milli jsemmi. Ipprova, fl-ewwel reazzjonijiet ta’ nhar il-Ġimgħa, ipprova jitfa’ ċerti battuti li kelli rwol u li ma kellix rwol. Illum għadek kif għidt inti li fil-kawża xehdu 55 xhud. Kellek 5 snin, qatt ma sejjaħtli biex nixhed. Kont nitla’ fil-kawża, bil-ġurament inwieġbek għal kull domanda u ma sejjaħtlix.”
Fuq il-kritika tal-Oppożizzjoni dwar ir-reazzjoni tal-Gvern, il-Prim Ministru kkoreġa mill-ġdid li l-Gvern mal-ewwel mar biex inaqqas il-perjodu tal-appell għal din is-sentenza filwaqt li jekk din tintlaqa’ se ssir talba quddiem il-Qorti Superjuri biex din tinstema’ b’urġenza.
Dr Abela tenna l-prijorita immedjata tal-Gvern hija li jibqa’ jiġi mpoġġi fuq quddiem l-interess nazzjonali. Il-Prim Ministru tenna li dan jgħodd ukoll għall-ħaddiema kollha fil-qasam mediku. Sostna wkoll li s-servizz tas-saħħa se jibqa’ jiġi pprovdut b’mod normali.
Intant, il-Prim Ministru quddiem il-biża’ li tixħet l-Oppożizzjoni fuq l-investiment dirett barrani f’pajjiżna, iggarantixxa s-serħan-il moħħ.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li filwaqt li dan il-Gvern wettaq diversi riformi fadal x’jindirizza u b’hekk din ħa tkun l-enfasi ta’ dan il-Gvern.
Il-Prim Ministru tenn li dan il-pajjiż għandu ħafna tajjeb u assigura li l-pajjiż se jibqa’ miexi ’l quddiem.
“Għalhekk, in-nies tibqa’ tafdana għaliex perfetti m’aħniex imma suppervi żgur li m’aħniex lanqas u allura filwaqt li nindirizzaw fejn meħtieġ, nibnu fuq il-ħafna u ħafna tajjeb li sar u tajjeb dan il-pajjiż għandu ħafna. Għalhekk pajjiżna mexa ’l quddiem u pajjiżna se jibqa’ jimxi ’l quddiem.”