“Ma nistgħux nagħmlu kampanja ta’ biża imma rridu nagħmlu kampanja ta’ edukazzjoni.”
Saħaq dan it-tabib Malcolm Paul Galea waqt il-programm Pjazza li ħeġġeġ lill-bosta ħaddiema tas-saħħa bħalu sabiex ikomplu jedukaw lill-poplu Malti u Għawdxi kif għandhom jieħdu ħsieb saħħithom.
Dr Galea stqarr: “Nibqa’ninsiti r-responsabbilità ta’ kull persuna individiwali. Irridu nkunu aħna bħala nies li rridu nżommu dawn in-numri baxxi sabiex ninċentivaw aktar lill-awtoritajiet tagħna jħalluna nerġgħu nkomplu ngħixu l-ħajja normali tagħna.”
It-tabib tenna li pajjiżna qiegħed jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuq l-ittestjar, li tul dan il-proċess kompla jintensifika.
Dr Galea sostna: “Meta inti għandek magna, u ħa tagħfasha, m’intix ħa tagħfasha mill-arja, ħa tiċċekkja l-gauges, tibda tara x’għandek jekk hux tiela’ t-temperatura u kollox. Aħna nkunu qegħdin niggaugejaw, aħna qed naraw l-affarijiet. Il-cases ma jfissirx li t-testing se jieqaf, it-testing se jibqa’ għaddej anzi intensifikawjnieh jiġifieri t-testing baqa’ tiela, ir-riżultati ħa jibqgħu għaddejjin, ħa nibqgħu naraw x’qed jiġri u ovvjament sintendi, hija responsabbilità kemm tagħna u ovvja anki tal-awtoritajiet tas-saħħa li jekk jaraw il-każijiet jibdew telgħin, nibdew nidentifikaw il-problema minn xiex inhi ġejja u nieħdu l-miżuri accordingly.”
Huwa fakkar li pajjiżna huwa l-iktar pajjiż fid-dinja li qed jagħmel testijiet għall-Covid-19.
“Malta bħala pajjiż huwa l-iktar pajjiż li qed jagħmel l-iktar testing. Taf xi jfisser dak? Li aħna, jekk ħa nieħu eżempju, jekk morna nistadu, aħna għandna l-ikbar xibka. Hija ovvja li bl-ikbar xibka int ħa taqbad l-ikbar ammont ta’ ħut. – U meta jien nara riżultat ta’ ħmistax mhux nibża’ minn dawk l-ammonti kbar li qed nittesjaw anzi nagħmel kuraġġ iktar, anzi nagħmel kuraġġ iktar għax għandek bażi soda fuq xiex qed tibbaża l-argumenti tiegħek u ovvjament l-azzjoni tiegħek li inti tibda tirrilaxxa”, kompla jgħid Dr Galea.
It-tabib saħaq li pajjiżi kbar fl-Ewropa stess ma kellhomx il-lussu li jagħmlu l-ammont ta’ testijiet li qed jagħmel pajjiżna.