F’indirizz lill-imsieħba soċjali ġewwa Ruma, il-Prim Ministru Joseph Muscat wissa li dimensjoni soċjali hija soluzzjoni importanti biex l-Ewropa timxi ‘l quddiem.
L-imsieħba soċjali ltaqgħu mal-mexxeja Ewropej lejliet il-bidu ta’ kapitlu ġdid għall-Unjoni Ewropea hekk kif din se tiċċelebra s-sittin anniversarju minn twelidha.
Il-Prim Ministru fakkar kif f’sittin sena l-Ewropa għelbet diversi sfidi u qed tilħaq punt importanti ta’ prosperita, iżda anke l-prosoperita għandha tkun hemm għal raġuni. U dan għandu jkun l-avvanz soċjali taċ-ċittadini Ewropej, li fis-Summit ta’ Ruma, fil-post fejn sittin sena ilu twieldet l-Unjoni Ewropea mill-pinna tal-mexxeja, propju dan se jkun wieħed mill-pilastri li fuqu se jitfassal kapitli ġdid għall-Ewropa.
Muscat irrefera ukoll għal fatt li fost l-Istati Membri hemm qasma bejn dawk li qed jimbuttaw għal dixxiplina fiskali, u dawk li qed jimbuttaw progess soċjali.
L-Ewropa fl-għaxar snin li ġejjin għandha tkun mibnija minn ċittadini li jaħdmu, jinnegozjaw, u jivvjaġġaw minn Stat Membru għall-ieħor. Kunċett li qed jitqies importanti fit-tisħiħ tas-suq komuni Ewropew li se jiddetermina s-saħħa tal-Unjoni fil-futur.