Fl-aħħar ġimgħa, l-istorja mill-pinna tal-artist David Walliams miktuba speċifikament dwar Malta, bl-isem ta’ ‘The Golden Bee Adventure’, sabet postha fis-suq tagħna fil-forma ta’ ktieb illustrat.
L-istorja miktuba għal tfal żgħar tara fil-qofol tagħha n-naħla Maltija, li tidher lil tifel waqt li jkun fuq btala, waqt li tieħdu lura għal żmien l-Assedju l-Kbir, waqt li l-avventura tispiċċa fuq is-sett tal-aħħar blockbuster miġbud f’pajjiżna, ‘Gladiator II’.
ONE News ħa l-opportunità jitkellem mal-illustratur tal-ktieb, Chris Spiteri, li qasam magħna l-proċess twil biex l-istorja setgħet tiġi żviluppata fi ktieb. Proċess li ilu li jaħdem fuqu minn Jannar li għadda.
“Bħala proċess beda milli l-ewwel inkitbet l-istorja minn David Walliams, imbagħad qsamna l-istorja f’diversi paġni u, hemmhekk, jien bħala l-illustratur bdejt nara xi stampi u karattri se ndaħħlu biex nieħdu din l-istorja bl-aktar mod vivaċi possibbli. Wara li qsamna l-istorja f’diversi xeni, imbagħad bdiet it-tpinġija biex naraw il-prodott finali. Imbagħad ovvjament tlestiet, tibgħatu għall-feedback, nirċievi l-feedback, nirranġa li hemm bżonn sakemm wasalna għall-prodott finali.”
Chris Spiteri , Illustrator
Għal Spiteri, din il-produzzjoni, li kienet kollha kemm hi lokali, kienet esperjenza li mhux se jinsa. Anke għaliex hemm għan nobbli wara l-inizjattiva, li tgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli.
“Il-ktieb hu disponibbli minn diversi ħwienet tal-kotba għall-prezz ta’ €10 u l-flus li se jinġabru minn dan il-ktieb se jmorru għall-Malta Community Chest Fund.”
Chris Spiteri, Illustrator