Huwa sigriet magħruf li r-Reġina Eliżabetta t-Tieni kienet tħobb ħafna l-fjuri.
Għal erba’ ġenerazzjonijiet Aldo Muscat u l-familja tiegħu fornew il-fjuri lir-Reġina, minn mindu kienet toqgħod hawn Malta meta kienet għadha żagħżugħa u kull meta żaret pajjiżna minn dak iż-żmien ’l hawn.
Għalkemm imnikket bil-mewt tar-Reġina, huwa fl-istess ħin sodisfatt ħafna li mhux biss iltaqa’ mar-Reġina, iżda wkoll kellu konverżazzjoni magħha – fl-2005.
Meta tkellem ma’ One News, Aldo Muscat irrakkonta li l-forniment tal-fjuri lir-Reġina beda mill-bużnannu tiegħu, minħabba li huma għandhom negozju tal-fjuri. Kien propju Lewis Micallef, il-bużnannu ta’ Aldo Muscat, li forna l-fjuri lil dik li dak iż-żmien kienet il-Prinċipessa Eliżabetta, meta kienet toqgħod f’Villa Guardamangia.
Spjega, imbagħad, kif mingħand bużnannuh, ir-responsabbiltà mxiet għal għand missieru Philip Muscat, li pprovda l-fjuri għar-Reġina fiż-żjara li għamlet f’Malta fl-1954. Fl-1967, meta reġgħet żaret Malta, bħala familja reġgħu fornew il-fjuri. Hu qal ukoll li waħda mill-isbaħ esperjenzji tiegħu, kien fil-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Pajjiżi tal-Commonwealth, magħrufa bħala ċ-CHOGM, li saret f’Malta fl-2005
‘Imbagħad, fl-2005, kien hawn ic-CHOGM, u jiena ġejt inkarigat – jien imbagħad ħadt il-business wara missieri – biex narma l-venue ta’ filgħaxija, li fil-pranzu li għamlet minn Buckingham Palace kont inkarigat biex narma.’
Minbarra li kellu l-opportunità li jforni l-fjuri lir-Reġina fl-2005, ma’ One News qal ukoll li kellu x-xorti li jkollu konverżazzjoni ma r-Reġina.
‘Kelli l-okkażjoni li nkellimha wara l-pranzu tac-CHOGM, u għidtilha fuq servizz li l-bużnannu tiegħi u missieri waqt iż-żjarat tiegħek, waqt li kont prinċipessa u Reġina, tajniha s-servizz u għamilt forsi dawk it-tlieta jew ħames minuti nkellimha.’
Aldo Muscat qal li jinsab grat immens li kellu din l-opportunità. Barra minn hekk, huwa wkoll ta’ unur kbir ukoll għall-kumpanija tiegħu li tat dan is-servizz lir-Reġina Eliżabetta t-Tieni.
‘Grat għar-Reġina, personali, u grat għall-kumpanija tiegħi, li kelli l-opportunità għal dawn is-snin twal li nkunu għas-servizz tagħha.’