-Kitba tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri
Pajjiż tmexxih ’il quddiem billi tagħraf iż-żminijiet u timplimenta l-bidliet li jagħtu r-riżultati fil-preżent u fil-ġejjieni. Hekk għamilna kemm il-poplu ilu jagħti l-fiduċja lill-Partit Laburista biex imexxi l-pajjiż, u hekk se nibqgħu nagħmlu għaż-żmien li ġej. Jekk hemm xhieda oħra ta’ dan hija l-Malta Labour Migration Policy li nedejna għall-konsultazzjoni fil-bidu ta’ din is-sena.
Kburin bl-avvanz ekonomiku li għamel pajjiżna u l-opportunitajiet li nħolqu fl-aħħar snin, li raw lill-Maltin jidħlu f’oqsma ġodda u javvanzaw fil-karrieri tagħhom, illum irridu nagħmlu enfasi ikbar ukoll fuq il-produttività. Din mhux xi diskussjoni li qed jagħmel biss pajjiżna, l-Unjoni Ewropea qed ittella’ dan is-suġġett fuq nett tal-aġenda tagħha fl-istrateġija li qed tagħmel biex issaħħaħ il-kompetittività tagħha. Iva, irridu nipproduċu iktar, jekk jista’ jkun b’inqas. Fil-każ tagħna, gwidati mill-fatt li għandna l-iktar ekonomija li qed tikber fl-Ewropa, mal-ħtieġa tat-tisħiħ fil-produttività nistgħu u qed nenfasizzaw ukoll il-ħtieġa ta’ tisħiħ fid-drittijiet tal-ħaddiema u l-bżonn li jekk u meta jingħata permess għal iktar ħaddiema barranin dan isir biss b’mod li tgawdi s-soċjetà kollha u mhux il-ftit.
Għal dan il-għan poġġejna 32 rakkomandazzjoni ċara gwidati minn erba’ prinċipji ċari. L-imsieħba soċjali wieġbu billi kkontribwixxew b’mod pożittiv f’din il-konsultazzjoni. Daħlu iktar minn 300 sottomissjoni, bi wħud minnhom dokumenti studjati sew, u kien hemm għexieren ta’ laqgħat li kelli u qed ikolli l-opportunità li nagħmel.
Irrid ninnota kif ħareġ ċar, kemm dan kien dokument li ntlaqa’ u kien apprezzat, filwaqt li min ġie jiddiskuti ġie bi proposti konkreti ta’ kif hu jibdel jew itejjeb ċerti rakkomandazzjonijiet. Hemm fejn se naqblu u hemm fejn se naħsbuha differenti. Xi ħaġa naturali, anke għaliex fi proċess bħal dan ħafna se jiġu jitkellmu għal-lobby li jirrappreżentaw. Jien għandi l-obbligu li dak nisimgħu, iżda finalment bħala gvern għandna l-obbligu li d-deċiżjoni aħħarija tkun dik li filwaqt li toħloq bilanċ tkun l-iktar waħda li tilħaq il-ġid komuni, dik li minnha tgawdi l-iktar is-soċjetà kollha kemm hi. Li hu żgur li biex tgawdi s-soċjetà konvinti li jrid ikun hemm bidliet kon¬kreti, għax f’dinja li tinbidel il-ħin kollu ebda gvern ma jista’ jaspira li jħalli kollox l-istess.
Fl-istess ħin sodisfatt ħafna kif il-proċess jinsab għaddej kif ukoll bl-interess li hemm. Il-proċess beda trasparenti u se jibqa’ wieħed trasparenti u ser nibqa’ nżomm dis¬kussjoni miftuħa inkluż b’għadd ta’ laqgħat li għadhom għaddejjin bħalissa dwar is-suġġett.
Fuq kollox erġajna qed nuru li tagħna huwa l-partit li mill-gvern li tista’ tiddiskuti miegħu t-triq ’il quddiem. Għax għandna l-ideat konkreti u lesti nieħdu l-azzjonijiet dwarhom. Fuq kollox hemm il-kompetenza, li reġgħet dehret nieqsa fid-dokument tal-Oppożizzjoni li f’tabella waħda li ppubblikaw ġo fuljett dwar is-suġġett ukoll ħadu żball. Iva, ħarġu tabella waħda u ġabuha ħażin. Imbagħad iridu jgħallmuna fuq il-mudell ekonomiku! Iżda, dik jaraha l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-kelliema tiegħu. Jien se nibqa’ għaddej fuq il-pjan li fassalna.
Pjan li jrid jilħaq erba’ prinċipji; Stabbiltà, Drittijiet tal-Ħaddiema, Kontrolli biex jiġu fejn hemm bżonn biss u Investiment fil-ħiliet.
Wara li kif urejna s-sena li għaddiet kienu kontrollati n-numri, fejn il-ħaddiema ġodda minn pajjiżi terzi ġew ikkanċellati b’dawk li telqu u l-ekonomija baqgħet tikber b’saħħitha, issa rridu nkomplu nimplimentaw il-bidla li hemm bżonn.
Nikkonsultaw, u niddeċiedu fl-interess tas-soċjetà.