Allegatament il-kanzunetta rebbieħa tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena kisret ir-regolamenti tal-festival. Filmat li beda jiċirkola fuq Youtube u li jtella’ f’Mejju 2015 juri lil Jamala tkanta d-diska ‘1944’.
Dan imur kontra r-regoli tal-Eurovision għaliex kanzunetta li tipparteċipa fl-edizzjoni li ssir f’Mejju ma tistax toħroġ fil-pubbliku qabel Settembru ta’ qabel. Dan ifisser li l-kanzunetta tal-kantata Ukrena ma setgħetx toħroġ qabel l-1 ta’ Settembru tal-2015 biex tkun eliġġibli li tikkompeti fil-Eurovision li għadda.
Ftit minuti wara li l-filmat kien fuq youtube tneħħa iżda one.com.mt laħaq ġibed filmat tal-filmat oriġinali għaddej fuq youtube u li juri biċ-ċar id-data ta’ meta jtella’.
https://www.youtube.com/watch?v=tHQZ8_uxFu8
Mal-ewwel bdew iqumu mistoqsijiet leġittimi anki dwar l-awtentiċita’ tal-filmat iżda pronta kienet it-tweġiba ta’ Jamala fuq facebook li apparentement ammetiet li kienet hi li qed tkanta l-kanzunetta.
Jamala pruvat tbenġel is-sitwazzjoni billi qalet li kienet prova tal-kanzunetta b’verżjoni differenti u għalhekk ħadd m’għandu għalfejn jinkwieta.
Kelliem għall-European Broadcasting Union ikkonferma ma’ ONE News li qed tinvestiga l-każ.
Il-filmat li tneħħa minn YouTube