Tħabbar proġett ġdid ta’ Night Shelter għall-Anzjani tal-Għarb Għawdex.
Dan wara li ntlaħaq ftehim bejn is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, il- Kunsill Lokali u l-Kumitat tal-Banda Viżitazzjoni tal-Għarb. Il-progett ser isir permezz ta’ investiment kapitali inizjali mis-Segretarjat Parlamentari ta’ €200,000 u wara ser jigi operat ukoll mill-Gvern permezz tal-ħaddiema provduti minnu.
Il-post tan-Night Shelter ser ikun qiegħed jintuża wkoll għall-servizzi ta’ matul il-jum sabiex jaqdi rwol ta’ ċentru għall-anzjanità attiva matul il-ħin tal-ġurnata. Hemm l-anzjani ikollhom programm varjat ta’ Lifelong Learning kif ukoll servizzi oħrajn relatati mal-kura tal-anzjani. Dan in-Night Shelter ser ikun it-tieni wieħed tax-xorta tiegħu f’Għawdex wara li xhur ilhu ġie inawgurat wieħed f’Għajnsielem.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li b’hekk qed tkompli tkun implimentata strateġija bl-għan li jiżdiedu s-servizzi fil-komunità għall-anzjani, biex il-Gvern ikun jista’ jassisti aktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità u jirrikorru inqas għas-servizzi ta’ kura fit-tul.