Il-Partit Laburista għandu jkun imsejjes fuq il-prinċipji soċjalista. Aċċenna għal dan id-deputat u kandidat għall-elezzjoni ta’ Mexxej tal-Partit Laburista, Dr.Robert Abela. Huwa spjega li aħna għandna nkunu dak il-partit li jemmen fiż-żgħir u li jiżgura kwalita’ ta’ ħajja denja għal kulħadd.
“L-iskop li għalih huwa mwaqqaf il-partit laburista, li jorganizza u jżomm partit politiku biex ixerred u jwettaq il-fehmiet u t-twemmin soċjalista, partikolarment tal-ħaddiema tal-id u għal batut. Dawn huma l-prinċipji bażiċi li jsawru dan il-partit tant b’saħħtu, partit ibażżat fuq ir-ruħ soċjali, partit li għandu t-twemmin soċjalista li għandna nkunu kburin bih u ma niddejqu qatt ngħidu illi aħna nemnu fil-prinċipji soċjalisti, li jemmnu fiż-żgħir, jemmnu fil-batut.” Stqarr id-Deputat Robert Abela.
F’attivita organizzata mill-Veterani Laburisti, id-deputat Robert Abela spjega kif il-mexxej tal-Partit Laburista irid jibqa’ jisma’ lil kulħadd. Dan għaliex inqasna meta ma tajnix widen u minħabba f’hekk, tinħass il-weġgħa u d-diżappunt fost il-membri.
Intant, f’laqgħa mal-aministrazzjoni tal-Partit Laburista, Dr Abela semma kif il-Kungress u l-konferenza ġenerali tal-Partit m’għandhomx iservu biex sempliċiment jinbidel il-mexxej, iżda għandu jinbeda proċess ta’ tiġdid li jkompli jsaħħaħ lill-Partit Laburista. Dan m’għandux ikun proċess li jbiddel dak li aħna, iżda li jwassalna biex ngħollu rasna ‘l fuq u nkomplu niktbu l-istorja ta’ pajjiżna.