It-Tnejn filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda b’rabta mal-każ tal-qtil doppju fil-Marsa fil-15 ta’ Ottubru u tabib tal-emerġenza xehed kif mara Niġerjana, li salvat dan l-inċident, sofriet ġrieħi gravi minn daqqa f’rasha mill-allegat qattiel.
Fil-fatt Iddrisu Faisal, mill-Ghana, minbarra li jinsab mixli li qatel lil Joseph Bartolo ta’ 73 sena u lil Carmen Abela ta’ 56 sena, jinsab mixli wkoll li pprova joqtol lil mara li kienet fuq il-post fil-ħin tad-delitt.
Fil-Qorti, it-tabib tenna li l-mara daħlet l-isptar Materi Dei bi tbenġila fuq moħħha u ferita fuq idejha. Huwa qal li l-ġrieħi kienu kkawżati minn daqqa b’oġġett iebes.
Fl-istess seduta xehdet it-tabiba Ruth Camilleri li kienet eżaminat uffiċjal tal-pulizija li sofra brix fin-naħa tax-xellug ta’ wiċċu waqt l-inċident.
Bħalissa Faisal Iddrisu ta’ erbgħa u tletin sena tpoġġa taħt att ta’ akkuża wara li l-Maġistrat Gabriella Vella sabet li hemm biżżejjed provi kontrih.
Il-każ se jkompli aktar tard dan ix-xahar.