Fatherwor Etumuton ta’ tnjen u tletin sena min-Niġerja, li joqgħod ir-Rabat ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qori akkużat li gidem żewġ uffiċjali tal-Pulizija wara li marru jkellmuh b’rabta ma’ rapport ta’ fastidju.
Huwa kien akkużat li ffastidja mara, u rreżista b’mod vjolenti uffiċjali tal-Pulizija, filwaqt li insulentahom, heddidhom u m’obdiex l-ordnijiet tagħhom.
L-akkużat qal li ma jiftakarx x’ġara. Min-naħa tiegħu l-Ispettur Ransely qal fil-Qorti li fil-ħamsa u għoxrin t’Ottubru li għadda marru jkellmu lill-akkużat minħabba rapport ta’ fastidju. L-Ispettur Ransely xehed li l-akkużat beda jirreaġixxi b’mod aggressiv mal-ewwel.
Kien hawn li allegatament l-akkużat gidem żewġ uffiċjali tal-Pulizija li kienu qed jippruvaw ippoġġuh bilqiegħda.
L-Avukat tal-għajnuna legali Noel Bartolo talab għall-ħelsien mill-arrest għaliex qal li x-xhieda kienu kollha uffiċjali tal-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Ispettur Ransely oġġezzjona għaliex qal li l-Pulizija qegħdin hemmhekk biex iservu lill-pubbliku mhux biex jiġu attakkati.
Fil-Qorti ntqal li allegatament l-akkużat kien ġa mar il-Belt u Tas-Sliema biex ifittex lill-mara.
Wara li semgħet l-argument taż-żewġ naħat il-Qorti tat lill-akkużat il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ ħamest elef ewro u ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara.
L-imputat kien ordnat li jmur jiffirma fl-għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa.