Fi tmiem il-ġimgħa, il-Pulizija tal-Immigrazzjoni wettqet operazzjoni oħra ta’ ritorn b’suċċess meta ddeportat lejn il-pajjiż tal-oriġinu, in-Niġerja, raġel b’passat kriminali wara li din skonta sentenzi konsekuttivi ta’ ħabs b’rabta ma’ importazzjoni ta’ droga u feriment ħafif ta’ uffiċjal korrettiv.
Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li r-raġel huwa Joseph Feilazoo. Niġerjan, li fl-2008 kien ġie akkużat b’importazzjoni tad-droga f’kapsoli moħbija f’ġismu. Wara ġuri, hu weħel sentenza ta’ tnax-il sena priġunerija u multa ta’ €50,000.
Sigħat biss wara li skonta din is-sentenza ta’ priġunerija, hu ġie aggressiv mal-Pulizija u Uffiċjali Korrettivi waqt li kien qiegħed għand il-Pulizija tal-Immigrazzjoni fid-Depot. Hawnhekk, Feilazzo gidem wieħed mill-uffiċjali u kellu jitrażżan permezz tal-pepper spray. Wara dan il-każ huwa weħel sentenza oħra ta’ sentejn priġunerija u multa.
Wara dan kollu, b’ordni ta’ ritorn, hu ġie deportat taħt arrest permezz ta’ titjira minn Malta bi skorta tal-Pulizija san-Niġerja.
Għal din l-operazzjoni, il-Pulizija kienu assistiti mis-Servizzi tad-Detenzjoni. Minbarra r-ritorn, inħarġet ordni biex din il-persuna qatt ma tkun tista’ terġa’ tidħol f’pajjiżna.
Din l-operazzjoni tingħaqad ma’ diversi oħrajn li saru fl-aħħar xhur fejn il-Pulizija tal-Immigrazzjoni bagħtet lura lil dawk il-persuni li m’għandhomx jibqgħu jgħixu f’pajjiżna, inkluż dawk li jkunu skontaw sentenzi ta’ priġunerija wara li nstabu ħatja fil-Qorti.
Il-Korp tal-Pulizija, b’mod speċjali t-Taqsima tal-Immigrazzjoni, se jibqa’ viġilanti ma’ dawk li jwettqu atti kriminali f’Malta u jibqa’ impenjat li jwettaq operazzjonijiet simili skont il-bżonn.