Nigel Farage, wieħed mill-imħuħ wara Brexit, irreżenja minn mexxej tal-UKIP.
“Sehmi fir-Renju Unit tajtu, ma nħossx li nista’ nagħmel iktar minn hekk. Għalhekk wasal iż-żmien li nirrezenja” kien dan il-ġist tal-kumment qasir li ta Farage f’ Londra meta ħabbar li se jgħaddi t-tmun tal-Partit tiegħu lil mexxej ieħor.
Ir-riżenja ġiet ġimgħatejn wara li hu u l-kollegi tiegħu kkonvinċew lil iktar minn nofs ir-Renju Unit biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea. “Ir-rebħa tal-kampanja Leave fir-referendum tfisser li rnexxili nikseb l-ambizzjonijiet politiċi tiegħi” saħaq Farage.
Farage ilu Ewroparlamentari Ingliż sa mill-elf disa’ mija, disgħa u disgħin, u fil-kumment tiegħu fakkar kif hu qatt ma ried ikollu karriera fil-politika. Huwa assigura li mhuwiex se jmur lura minn kelmtu għaliex il-pjan tiegħu dejjem dan kien.
Huwa saħaq li se jappoġġja lill-suċċessur tiegħu u li issa xogħlu se jkun li josserva l-proċess ta’ Brexit minn Brussel. Minkejja l-assenza tiegħu fl-isfera politika fir-Renju Unit, jidher li din il-vuċi ferventi mhux se tiskot fil-Parlament Ewropew hekk kif diġa għamilha ċara li se jkun qed jikkummenta fuq l-andament ta’ Brexit fejn iħoss li jkun f’ loku.
Aħbar bħal din setgħet intlaqgħet ħażin mill-partitarji tal-UKIP iżda Nigel Farage qawwielhom qalbhom b’messaġġ ta’ tama “l-aħjar jiem tal-UKIP għadhom se jaslu.”