Bil-proġett infrastrutturali li se jwassal biex isiru t-toroq kollha ta’ Malta f’seba’ snin, il-Kunsilli Lokali se jieħdu nifs kbir qalet fi stqarrija s-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista. Dan għax filwaqt li l-Gvern se jidħol għar-responsabbiltà li jagħmel mill-ġdid it-toroq b’mod li r-residenti jinqdew aħjar, il-Kunsilli Lokali se jibqagħlhom l-istess allokazzjoni għall-manuntenzjoni tat-toroq ta’ €7,500,000.
Mario Fava, President tas-Sezzjoni Kunsilliera qal: “Hekk il-Gvern se jkun qed jgħin lill-Kunsilli Lokali b’mod mingħajr preċedent u mhux jgħabbihom b’piżijiet ġodda mingħajr ma’ jgħin bir-riżorsi biex ilaħħqu magħhom. Il-Kunsilli Lokali huma pożittivi dwar dan u jidher li għal darb oħra l-Partit Nazzjonalista hu iżolat fin-negattività tiegħu.”
Ta’ min ifakkar kif il-Gvern Nazzjonalista kien għadda t-toroq lill-Kunsilli Lokali fl-istat ħażin li kienu jinsabu fihom. Peró qatt m’alloka l-finanzi biex dawn isiru mill-ġdid.
“Ċert li kull sindku u kunsillier li għandu għal qalbu r-raħal tiegħu se jagħżel l-proġett u l-ħsieb tal-Gvern. Bl-istess mod, jekk tistaqsi lir-residenti xi jridu, żgur jagħżlu li jkollhom toroq ġodda u aħjar milli huma issa,” żied jgħid Mario Fava.
B’hekk il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma fehem xejn meta ħareġ jopponi dan il-proġett.
Is-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista tinnota wkoll li diġa’ jeżisti ftehim mal-Ministru Ian Borg biex fil-laqgħa Plenarja tas-Sindki jattendi u jiddiskuti magħhom ix-xogħol tal-Aġenzija li se tmexxi dan il-proġett. “Il-PN ma kienx kapaċi jistenna u għaġġel. M’hemmx dubju li l-Kunsilli Lokali se jkunu parti integrali mill-pjan tal-Gvern anke permezz tal-konsultazzjoni,” qal Mario Fava.