Nifs ġdid għal-lokalità. Hekk sostniet ma’ ONE News is-Sindku tal-Imsida, Margaret Baldacchino Cefai, dwar ix-xogħlijiet li Infrastructure Malta, bdiet f’għadd ta’ lokalitajiet bil-bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali.
Hi qalet: “Bħala kunsilli qed ingawdu speċjalment aħna tal-Imsida minħabba li għandna ħafna toroq li minħabba t-traffiku u l-kostruzzjoni li għaddejja, għandna ħafna toroq li bħala kunsill ma stajniex nagħmluhom u b’hekk il-Gvern tagħna nifs ġdid u r-residenti qed jieħdu pjaċir.”
Wara li ħarġet sejħa għall-offerti biex jinbnew mill-ġdid 120 triq residenzjali, ftit tal-jiem ilu ħarġet sejħa oħra għal 170 triq b’investiment ta’ €70 miljun.
Fost il-11-il triq li huma ppjanati li jsiru fl-Imsida hemm Triq il-Qroqq, Triq Nazju Falzon, Triq is-Sarġ fost oħrajn.
Ix-xogħol jinkludi bini ta’ bankini u sistemi ġodda ta’ ġbir tal-ilma, pedamenti, tarmak, sinjali tat-traffiku u sistemi ta’ sigurtà.
Is-Sindku ta’ Ħal Għaxaq, Darren Abela, spjega kif din kienet ix-xewqa ta’ kull Kunsill, bir-residenti jgawdu minn toroq ġodda flimkien ma’ bankini adekwati. Semma kif fost it-toroq insibu Triq Santa Marija li hi s-simbolu ta’ Ħal Għaxaq għax fiha jittellgħu bosta attivitajiet.
Huwa kompla billi qal: “Din it-triq hi triq prinċipali li mill-knisja twassal għal Bir id-Deheb. F’din it-triq isiru ħafna attivitajiet bħal purċissjonijiet u affarijiet relatati mal-lokal tagħna, allura din it-triq hi triq prinċipali.” Is-Sur Abela qal li t-toroq se jgħollu l-livell tal-lokalità.
Apparti hekk, huwa qal: “Barra din it-triq aħna għandna bħalissa għaddejjin Triq il-Gudja u Triq il-Belt Valletta, qed isir il-proġett tal-bypass ukoll u hemm xi erba’ toroq wkoll fiż-żona rurali, b’hekk il-lokal tagħna se javvanza f’livell ta’ infrastruttura.”
Is-Sindku tal-Imtarfa, Daniel Attard, spjega kif mat-8 toroq qed isiru fl-Imtarfa permezz ta’ ħidma sfieqa b’Gvern li jwettaq dak li jwiegħed.
Huwa qal li:“It-toroq huma l-aktar infrastruttura bażika. Dawk li nużaw ta’ kuljum. Għaldaqstant huwa kruċjali li t-toroq tagħna jilħqu livell li jistennew in-nies.”
It-toroq se jsiru fi żmien adekwat bil-kuntratturi jiġu mmultati jekk ma jlestux fiż-żmien stipulat.