“Fond li qed iwassal benefiċċji kbar lill-komunitajiet Maltin u Għawdxin”, ħabbar il-Ministru Ian Borg fl-okkażjoni tal-iffirmar ta’ ftehim bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Kunsill Lokali tal-Furjana. Dan il-ftehim se jwassal biex tingħata ħajja ġdida lil Ġnien ir-Re Ġorġ V permezz ta’ madwar €400,000 mid-Development Planning Fund tal-istess kunsill lokali.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg spjega li dan il-fond qed jiġbor fondi minn żviluppaturi meta jersqu bi proġetti li jkollhom aspetti bħall-kwistjoni tal-parkeġġ, u qħed jgħin biex issir kontribuzzjoni lejn-l-ambjent u faċilitajiet oħrajn għall-komunitajiet. Il-Ministru Borg saħaq li sar dak possibbli biex kemm jista’ jkun il-fond ikun jista’ jiffinanzja diversi tipi ta’ inizjattivi li jiġu proposti basta l-għan aħħari jkun dejjem li l-proġetti jibbenifikaw minnhom il-komunitajiet tagħna.
Il-proġetti li qed jiġu finanzjati huma fil-fatt varji, spjega l-Ministru, minn restawr ta’ niċeċ, għall-bini ta’ ċentru ċiviku għal proġetti ta’ tisbiħ, fost oħrajn. “Hu għalhekk importanti li l-kunsilli lokali jieħdu l-inizjattiva biex jagħmlu użu tajjeb minn dawn il-flus li huma disponibbli għall-ġid tal-komunitajiet li jirrappreżentaw. Il-possibilitajiet ta’ x’inizjattivi jistgħu jressqu ’l quddiem huma ħafna u għalhekk mhux aċċettabbli li fil-fond għad hemm aktar minn €28 miljun li mhumiex qed jintużaw”, żied il-Ministru.
Ian Borg tkellem dwar l-impenn tal-Gvern li jara aktar spazji pubbliċi miftuħa għall-familji Maltin u Għawdxin u fakkar fil-miżura tal-Budget 2019 li se tinvesti €1 miljun fir-riġenerazzjoni ta’ ġonna urbani, xogħol li se jitmexxa mill-aġenzija Infrastructure Malta. “Dan minbarra l-investiment ta’ €100 miljun fl-infrastruttura tat-toroq li issa mhumiex se jibqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali imma se jgħaddu b’mod gradwali taħt il-gvern ċentrali. Din hi kollha parti minn ħidma intensiva favur kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti tagħna u favur il-kunsilli lokali tagħna”, ikkonkluda l-Ministru Borg.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius faħħar lill-Kunsill Lokali tal-Furjana tal-inizjattiva u appella lill-kunsilli lokali biex jersqu bil-proposti tagħhom. Fakkar li din is-sena diġà saru proġetti b’valur totali ta’ aktar minn €5 miljun permezz ta’ dawn il-fondi u faħħar lill-Awtorità tal-Ippjanar tal-impenn f’dan ir-rigward u tal-ħidma li qed twettaq favur ambjent aħjar għall-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Bord tal-Ippjanar u tal-kumitat tad-Development Planning Fund il-Perit Vincent Cassar tkellem dwar ix-xogħol tal-Awtorità tal-Ippjanar f’dan is-settur. Fost l-oħrajn, fakkar li riċentament ġew approvati 14-il proġett differenti f’lokalitajiet diversi madwar Malta u Għawdex, inkluż dak li ġie ffirmat illum.
Is-Sindku tal-Furjana Davina Sammut Hili rringrazzjat lill-gvern ċentrali u lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-appoġġ li l-kunsilli lokali jingħataw biex iwettqu inizjattivi bħal dawn. Spjegat li permezz ta’ dawn il-fondi se jsir tisbiħ tal-ġnien, outdoor gym, se jinbidel it-tagħmir tal-playground b’aċċessibilità mtejba għal persuni b’diżabilità u se jinbidel ukoll it-turf ta’ wieħed mill-pitches tal-football li wkoll se jsir aktar aċċessibbli. Is-Sindku rrimarkat dwar il-benefiċċju ta’ dan il-proġett, li se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ bosta nies li jżuru dan il-ġnien popolari fil-lokalità tal-Furjana.