Dan kien il-messaġġ tal-President ta’ Malta George Vella fi żjara fl-Isptar Mater Dei, partikolarment fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija.
Fiż-żjara tiegħu rringrazzja lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa għall-ħidma professjonali tagħhom, li ħafna drabi titlob diversi sagrifiċċji.
Appella wkoll għall-għoti tad-demm, biex dawk li jiġu bżonnu, isibuh. B’referenza għall-inċident tal-lejl li għadda, appella biex inkunu kawti u attenti fis-sewqan.
Dwar ħidmietu, saħaq li se jkompli fuq il-ħidma tal-predeċessur tieghu, biex tingħata l-aqwa għajnuna partikolarment lil dawk li jkunu jeħtieġu kura barra minn xtutna sabiex bl-aqwa mod intaffu d-dwejjaq u l-uġiegħ ta’ dawk li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli.
Minn-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne irringrazzja lill-President li biż-żjara tiegħu bla dubju għolla l-moral tal-pazjenti u l-istaff.