Il-Perit Michael Falzon kiteb fil-MaltaToday dwar l-aħħar każ fejn kawża tal-qasma fil-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista spiċċat batiet il-ħidma tal-Parlament Malti.
Saħansitra weħlu liġijiet importanti milli jgħaddu għall-vot għax il-Partit Nazzjonalista lanqas dwar emendi biex iressaqhom quddiem il-kumitat parlamentari għall-abbozzi ta’ liġijiet ma qabel fi ħdanu. U din il-laqgħa spiċċaw ibbojkotjawha fost ħafna skużi.
Falzon, veteran tal-Partit Nazzjonalista, qal li l-mod kif qed iġib ruħu l-partit nazzjonalista jindika grupp ta’ nies mingħajr għanijiet jew prinċipji ċari, li saħansitra ma jistgħu jaqblu fuq xejn. “Mhux ta’ b’xejn il-Partit Nazzjonalista ma jistax jaqbad art,” kompla jikteb il-Perit Falzon.
Il-kwistjoni ddur ma’ proposti tal-gvern biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità.
Il-gvern qed jipproponi li f’każ ta’ reati serji ħafna l-pulizija jkollha d-dritt titlob il-permess tal-Maġistrat biex testendi l-arrest għal iktar minn 48 siegħa.
Il-Partit Nazzjonalista stess kien għamel proposta simili, iżda din id-darba qed jopponi u minflok mar il-kumitat bl-emendi spiċċa ma mar xejn. Dan għamlu għax lanqas fuq l-emendi mhu jaqbel.
Il-Perit Falzon qal li l-mod kif saru l-affarijiet juru partit indeċiż. “Dan hu riżultat ta’ tmexxija dgħajfa. Mexxejja tajbin jevitaw li l-partit tagħhom jidher indeċiż dwar kwistjoni jew oħra,” qal Falzon li żied li wieħed ma jistax jappoġġja partit f’din is-sitwazzjoni.
U saħaq li din l-indeċiżjoni qed tidher dwar bosta kwistjonijiet li jqumu.
Intant, dwar dan l-aħħar każ il-kelliema tal-Partit Laburista ddikjaraw li l-pajjiż għal darb oħra spiċċa ostaġġ tal-qasma fi ħdan il-grupp parlamentari nazzjonalista u minkejja d-diskors kollu dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità l-partit nazzjonalista falla t-test meta l-gvern ġie biex isaħħaħ din il-ġlieda.
Staqsa wkoll jekk il-partit nazzjonalista ux qed jieħu ħsieb l-interessi tas-soċjeta jew tal-klijenti tad-deputati tiegħu.