Lil hinn mill-festa tal-Kunċizzjoni, it-tmienja ta’ Settembru għall- Faċilità għall-Kura fit-Tul San Vinċenz De Paul fissret ġurnata speċjali fejn ittellgħet attività b’għan nobbli.
Din l-inizjattiva saret l-ewwel darba fl-2015, meta l-MUMN Group Committee bil-kollaborazzjoni mat-tmexxija ta’ San Vinċenz, jappellaw biex jinġabar id-demm mingħand il-ħaddiema u dawk li jżuru lil qrabathom, permezz tal-mobile blood donation unit li jintrama biswit ir-residenza.
Tkellimna ma’ Therese Decelis, aenior Staff Nurse fis-sezzjoni tal-kontroll tal-infezzjonijiet.
Qaltilna li din l-okkażjoni tgħaqqad lill-istaff, għaliex anki ħaddiema li ma jistgħux jagħtu d-demm, xorta jagħtu sehemhom mod ieħor.
Qalet, “Aħna dejjem ħassejna l-bżonn kif dejjem jgħid il-Bank tad-demm, dejjem jagħmel sejħa għal iktar donaturi. Din ilna nagħmluha mit-2015. L-aħħar li għamilniha fl-2020. Din l-inizjattiva tgħaqqad lill-istaff, għax kollha jiġu minn kull section, mhux nurses biss, jew carers, jiġu anki minn sections oħra, tal-maintenance, il-mastrudaxxi, kollha bi ħġarhom jinkitbu.”
Quddiem il-kameras ta’ One News, Fr Ivan Scicluna li għal xi żmien serva wkoll bħala infermier u anki kappillan f’San Vinċenz De Paul stqarr magħna r-raġuni li jagħti d-demm b’mod regolari.
Stqarr, “Li tagħti d-demm huwa dejjem att ġeneruż. Id-demm jiġu ħafna bżonnu, dawk il-pazjenti li jkunu morda u jkollhom bżonn anki kura fit-tul. Tkun qed tagħti għajnuna lilhom. Hija xi ħaġa sabiħa li int tagħti minn dak li huwa tiegħek u li L-Mulej tak, biex int tkun tista taqsmu mal-oħrajn. Is-sabiħa tagħha hi li int ma tkun taf ukoll min qed jigwadanja minn din il-ħaġa. Inħeġġeg lil dawk kollha li jistgħu jagħmlu dan l-att ġeneruż biex jagħmluh.”