Fil-kontribuzzjoni regolari tiegħu fit-Times of Malta, il-ħassieb u opinjonista Martin Scicluna kellu kliem iebes fil-konfront ta’ dawk li qed jużaw il-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia biex jieħdu vantaġġ politiku.
Kiteb bla tlaqlieq li n-nies li qed jinżlu fit-toroq bl-għajta favur il-verità u l-ġustizzja, huma persuni li għandhom il-ħin u l-mezzi biex b’kull sforz itebbgħu isem pajjiżna – irrispettivament mill-ħsara li ssir fuq skala internazzjonali.
Bid-diskors meqjus tipiku tiegħu, Scicluna nnota li dawn in-nies implikaw li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia seħħ għax f’Malta m’hawnx demokrazija jew għax spiċċat is-saltna tad-dritt; però qal li dan mhu xejn għajr opportuniżmu politiku.
B’ton skjett iżda ċar fil-messaġġ tiegħu, l-opinjonista żied li dan il-grupp ta’ nies qed jallega li l-Gvern huwa korrott, però staqsa fejn kienu l-vuċijiet tagħhom meta seħħet korruzzjoni fil-passat; u allura kif qed jgħidu li jridu li ssir ġustizzja iżda huma selettivi dwar il-każi li jirreferu għalihom.
Hawnhekk irrefera għall-każ b’rabta mal-kontijiet sigrieti fil-bank HSBC f’Geneva fl-Isvizzera u fakkar kif fost l-aktar ismijiet prominenti li ssemmew kien hemm nies assoċjati mal-Partit Nazzjonalista fosthom l-eks Ċermen tal-Enemalta Tancred Tabone u n-negozjant Anthony Cassar.
Il-ħassieb qal li l-ġurnalisti fl-hekk imsejjaħ Daphne Project għandhom ikunu mgħarrfa bil-każi ta’ korruzzjoni li seħħew qabel il-bidla fl-amministrazzjoni.
Temm jgħid li dawn l-attivisti jdgħajfu s-solidarjetà f’pajjiżna, u qal li għalkemm għandhom il-fama ta’ nies li jiġġieldu għall-ġustizzja, fil-verità mhuma xejn għajr ipokriti li qed jinjoraw il-korruzzjoni li kien hawn f’pajjiżna fis-snin ta’ qabel l-elfejn u tlettax.