Dawk kollha li huma fil-pussess ta’ liċenzja tal-armi kienu mistiedna biex matul il-jum tal-Ħadd, jattendu għal attività organizzata mill-Pulizija fix-Shooting Range f’Ta’ Kandja.
ONE News żar il-Kumpless tal-Pulizija f’Ta’ Kandja, fejn kien hemm numru ta’ dilettanti b’passjoni għall-isparar li kkonkorrew għal din l-attività b’għan nobbli.
L-Ispettur Malcolm Sammut spjega kif din kienet il-ħames darba li saret tali attività, li dejjem rat attendenza sabiħa ta’ dawk f’pussess ta’ liċenzja tal-isparar.
“Aħna nagħmlu l-event għal kull min hu target shooter għax ikollu l-liċenzji tal-arma, u aħna nagħmluha fun day, dak li jkun ikun jista’ jiġi hawn fir-range tagħna tal-Pulizija, jispara, idum kemm irid, u fl-aħħar mill-aħħar, il-fondi jmorru għall-karità. Jiġifieri jkun qed jagħmel xi ħaġa li jħobb, fl-istess ħin, għal għan nobbli.”
Fil-fatt, kull min attenda l-attività, ġie mitlub jagħti donazzjoni ta’ għaxar ewro b’risq Puttinu Cares.
“Ikollna feedback tajjeb u mhux biss min-nies li jiġu biex jisparaw imma anki jkollna voluntiera li jkunu jridu jgħinuna, jiġifieri anki ċertu civilians li jaħdmu mal-Korp, jgħinuna biex intellgħu dan l-avveniment.”
Tkellimna ma’ żewġt irġiel li attendew għal din l-attività.
“Il-passjoni tagħna hija dejjem fuq sparar, tibbaża li tispara preċiż u nirringrazzjaw lill-Korp tal-Pulizija li jagħtina din l-opportunità għal Puttinu li nieħdu sehem u nagħtu donation għal Puttinu.”
“Dawn l-attivitajiet jgħinu ħafna, in-nies ikunu jistgħu jgħinu lil ħaddieħor, ġest sabiħ ħafna. Jien ili f’din id-dixxiplina aktar minn għaxar snin u ovvjament, xi ħaġa sabiħa li tara lil kulħadd magħqud f’dawn it-tip ta’ affarijiet.”
Din l-attività hija waħda minn diversi li l-Korp jorganizza b’mod regolari biex jiġbor fondi għall-karità.
Fil-fatt, l-ispettur spjegalna kif din is-sena nħoloq kumitat li jippjana għas-sena kollha fejn imorru l-fondi miġbura minn attivitajiet li jsiru b’għan nobbli.
“Minn din is-sena l-amministrazzjoni tal-Korp ħloqna kumitat biex inkunu nistgħu nqassmu aħjar il-ġbir ta’ fondi li jsiru, jiġifieri bis-saħħa ta’ dan inkunu nistgħu nippjanaw aħjar tul is-sena kollha.”