Sħubija bejn il-Gvern, il-Caritas u l-Fondazzjoni Alf Mizzi għadha qed tħalli l-frott wara ħames snin ta’ ħidma soċjali mill-Fondazzjoni Dar il-Hena, li tmexxi tliet residenzi; Dar Papa Franġisku, Dar Maria Dolores u r-Residenza Reach.
Dawn id-djar iservu ta’ xelters temporanji għal nies bla saqaf fuq rashom jew bi sfidi soċjali u jgħinuhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà.
F’Dar Papa Franġisku, fis-sena li l-Fondazzjoni qed tiċċelebra l-ħames sena ta’ ħidma fil-komunità, iċ-Chairman tal-Bord tal-Fondazzjoni nnota kif fl-aħħar ħames snin kien hemm numru ta’ stejjer ta’ suċċess fost persuni li ġew bżonn l-għajnuna.
Iċ-Chairman, Anthony Girard stqarr, “F’dawn il-ħames snin, kellna nies li ħadu Diploma mill-Università, kellna nies li sabu dar ġdida għalihom u għall-familja tagħhom, kellna nies li sabu xogħol. Dan huwa l-long term success ta’ dan il-proġett, u huwa proġett uniku għax huwa l-uniku wieħed hawn Malta li jinvolvi l-Gvern, il-Caritas u din il-Fondazzjoni li hija l-privat.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon, qal li din is-sena, il-Gvern alloka s-somma ta’ tmien mija u ħamsa u tletin elf ewro biex jassigura aktar ħidma soċjali permezz ta’ dawn ir-residenzi.
Il-Ministru Falzon sostna, “Huwa mudell li llum, five years down the road, nistgħu ngħidu li huwa mudell li rnexxa. Mudell li hawnhekk nipprovdu mhux biss saqaf imma anki bżonnijiet oħra tal-individwu u nawgura li jkun hawn ftehimiet oħra ta’ dan t-tip.”