Mijiet ta’ persuni b’diżabilitajiet moħbija, bħall-awtiżmu, l-ME u l-Fibromyalgia, jistgħu jibdew igawdu minn benefiċċju ġdid imħabbar mill-Gvern.
Id-dettalji dwar din il-miżura soċjali ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Ministeru għall-Inklużjoni, fejn ġie spjegat kif il-benefiċċju hu intiż biex jgħin persuni li għandhom diżabilitajiet moħbija u problemi serji ta’ funzjonalità, minkejja li ma jkollhomx diżabilità msemmija fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
B’din il-miżura, se ssir konsolidazzjoni tal-evalwazzjoni medika tal-persuna b’diżabilità u wieħed irid japplika onlajn mit-Tnejn li ġej, 2 ta’ Settembru, biex jiskatta l-proċess mill-ispeċjalisti.
Peress li l-applikazzjoni ssir bl-eID tal-persuna, id-dokumentazzjoni medika tkun awtentikata mill-ewwel.
Eventwalment, dawn il-persuni se jibdew jidhru quddiem bord inter-professjonali, immexxi mill-Aġenzija Sapport, u l-evalwazzjoni se tkun imsejsa fuq standards internazzjonali dwar saħħa u diżabilità, imħaddma mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-WHO.
Id-Direttur Ġenerali fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, George Cremona, spjega li dawn il-bordijiet twaqqfu wara li ħarġet sejħa pubblika mill-Aġenzija Sapport għall-professjonisti meħtieġa, fosthom tabib, ħaddiem soċjali, occupational therapist u espert mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
B’dan il-mod, se jibda jkun assessjat mill-professjonisti n-nuqqas ta’ funzjonalità tal-persuna, biex eventwalment jiggwidaw lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u lill-Aġenzija Sapport dwar liema benefiċċji u servizzi tali persuni għandhom dritt għalihom.
“L-applikazzjonijiet iridu jidħlu l-ewwel fid-Dipartiment permezz tat-tabib kuranti tal-persuna jew il-professjonist li jsegwi lill-persuna. Tajjeb li ngħidu li, malli l-applikazzjoni tidħol fid-Dipartiment, tiġi vverifikata, skont l-awtentiċità tagħha, dejjem mar-reġistru mediku, u minn hemm, jekk il-persuna tissodisfa l-kriterji eliġibbli, l-applikazzjoni tgħaddi quddiem il-bord inter-professjonali.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, iddeskriviet dan il-benefiċċju bħala tieqa ta’ wens u mħabba, għax diżabilitajiet, li ma jidhrux, imma jġibu magħhom ħafna tbatijiet, ukoll se jingħataw spalla finanzjarja, bħalma jieħdu diżabilitajiet oħrajn.
“Qegħdin inwettqu wegħda elettorali li, permezz tagħha, il-Gvern tkellem b’mod ċar li dawk id-diżabilitajiet li ma jidhrux, mhux neċessarjament kollha, imma jekk persuna b’diżabilità ma tkunx qed tiffunzjona numru ta’ sigħat biżżejjed biex taqla’ l-għajxien tagħha, wieħed ikun jista’ jgħaddi bord u jkun ikkunsidrat għall-benefiċċju soċjali.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, innota kif dan il-benefiċċju se jgħin mijiet ta’ persuni li s’issa qatt ma kienu gawdew minn benefiċċji marbutin mad-diżabilità.
“L-iskop hu, naraw kif nistgħu ngħinu aktar nies. L-iktar ħaġa importanti hi li se jibdew jiġu kkunsidrati każi ta’ diżabilità li ma jidhrux. Għandek ukoll il-pass pożittiv li l-proċess irid jitlaq mill-espert mediku u, fl-istess ħin, qed inkunu konformi ma’ dak li tgħid il-WHO u dak li tgħid il-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda fuq il-persuni b’diżabilità.”