Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat, tkellem dwar l-emendi fil-liġi li tirregola l-IVF f’pajjiżna tenna li hu se jieħu l-pożizzjoni ta’ dawk li m’għandhomx tfal. Pożizzjoni li l-grupp parlamentari Laburista hu magħqud warajha.
Fuq ONE Radio, Joseph Muscat, qal li hemm nies ġenwini fuq iż-żewġ naħat tal-argument iżda fl-aħħar mill-aħħar hu se jkun qed jieħu l-pożizzjoni tan-nies li ma jistax ikollu tfal.
“Huwa suġġett emozzjonali mmens, speċalment għal min ma jistax ikollu tfal u għandu bżonn l-għajnuna medika tax-xjenza u dawn huma nies li jżommu lura milli jitkellmu,” qal Joseph Muscat.
Iddeskriva l-abbozz ta’ liġi bħala wieħed importanti u b’saħħtu ħafna. “Għandna liġi li mhix b’saħħitha u tajba biżejjed u rridu ntejbuha,” qal Joseph Muscat li rrefera għal diskorsi li għamlu esperti fl-aħħar ġimgħat dwar il-bżonn li jkollna IVF b’iktar rata ta’ suċċess. Fakkar li wieħed minn kull sitt familji għandu problema ta’ infertilità. Joseph Muscat qal li bl-emendi se jkollna liġi li tippromwovi l-ħajja u ddaħħal kunċetti importanti li permezz tagħhom jingħata iktar opportunitajiet lill-ġenituri prosettivi u titneħħa d-diskriminazzjoni.
Tkellem dwar kif mhux veru li se ndaħħlu l-iffrizar tal-embrijuni għall-ewwel darba għax il-prinċipju diġa’ qed hemm fil-liġi preżenti.
“Aħna konvinti, magħqudin u kompatti. Din hi liġi li għaddiet minn skrutinju iebes fil-grupp parlamentari li qed magħqud fuq dan il-qasam. Se nimxu ‘l quddiem b’konvinzji,” qal Joseph Muscat li fakkar kif il-gvern għandu mandat elettorali.
“Jien li nappella li l-argumentazzjoni ssir b’mod razzjonali. B’mod li wieħed jifhem lil xulxin. Jien fl-aħħar nkun fuq in-naħa ta’ min ma jistax ikollu tfal,” qal Joseph Muscat.
Rispett lejn l-istituzzjonijiet
Mistoqsi dwar dawk magħrufa bħala Forbidden Stories, Joseph Muscat, qal li l-gvern jirrispetta l-istituzzjonijiet. Fosthom dik tad-deputat speaker anke jekk kien hemm qbil li r-ruling li tat din il-ġimgħa m’għandhomx preċedenti u wisq inqas spjegazzjoni.
Dwar l-stejjer fil-media Joseph Muscat qal li hu se jkompli jgħamel dak li hu tajjeb għal pajjiżna.
“Inħares ‘il quddiem li jkollna sitwazzjoni fejn kulħadd irrispetta l-istituzzjonijiet. Għaliex għalxejn l-ewwel taqta’ l-kundanna u wara titlob investigazzjoni. X’titlob investigazzjoni tagħmel jekk kemm il-darba int diġa’ qtajt il-kundanna?” staqsa Joseph Muscat.
Żied jgħid: “Jekk tlabt investigazzjoni ħalli din l-investigazzjoni ssir. Naraw xi jkun ir-riżultat tal-investigazzjoni u nimxu minn hemm. Inkluż kif nimxu fuq ir-riperkussjonijiet għal min jinqabad jigdeb biex iħammeġ isem pajjiżna,” qal Joseph Muscat.
B’referenza għall-kummenti dwar ċerti manuvri li saru fl-aħħar jiem, Joseph Muscat, qal li tingħata risposta fl-ewwel ta’ Mejju meta “nergġħu ninġabru bħala poplu wieħed magħqud. “
Tkellem ukoll dwar kif matul il-ġimgħa d-dieħla l-Partit Laburista se jkollu l-konferenza ġenerali bit-tema Malta ta’ Għada.
Qal li din se tkun qed tiltaqa’ fl-isfond ta’ żewġ aħabarijiet importanti. Dik li r-rata ta’ impjiegi hija ogħla minn dik taż-Żona Ewro u iktar importanti minn hekk li r-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar naqas għall-inqas livelli fejn biss qd noħolqu l-ġid iżda wkoll li qed jitqassam. Dik hi Malta ta’ Għada, temm Joseph Muscat.