Fil-messaġġ tagħha għall-jum dinji għall-għarfien dwar l-abbuż fuq l-anzjani is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Dizabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana, saħqet li dan il-Gvern huwa mpenjat sabiex jikkumbatti din il-pjaga.
Hija qalet li l-abbuż fuq l-anzjani hija realtà kiefra li rridu nikkumbattu biex nagħtu serħan il-moħħ lill-anzjani tagħna. Quddiem il-forom differenti ta’ abbuż, fakkret kif dan il-Gvern għamel emendi fil-Kodiċi Kriminali biex jinħolqu reati ġodda li jkopru istanzi differenti ta’ abbuż. Ħraxu wkoll il-pieni fil-konfront ta’ kull minn jinstab ħati li wettaq dawn ir-reati. Dawn l-artikoli tal-liġi llum qegħdin jintużaw mill-prosekuzzjoni fl-akkużi tagħhom u qed jiġu applikati mill-Qrati tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari Caruana qalet ukoll li ttieħdu diversi inizjattivi biex mhux biss ikun hawn iktar għarfien imma wkoll biex l-anzjani tagħna jkunu nkoraġġuti jirrappurtaw l-abbuż u jiġu mgħarrfa dwar x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ abbuż u fejn għandhom imorru biex jirrappurtaw. Hija rringrazzjat lill-Korp tal-Pulizija għas-sessjonijiet li saru f’Malta u Għawdex mal-anzjani dwar dan is-suġġett.
Appellat biex dawk kollha li jkunu jafu b’xi każ ta’ abbuż jew ikunu vittmi huma stess ta’ abbuż jersqu ‘l quddiem u jirrappurtaw għax hekk biss tkun tista’ tittieħed l-azzjoni meħtiega biex jintemm l-abbuż, filwaqt li l-vittma tiġi protetta u l-perpetratur jiġi mressaq quddiem il-Qrati sabiex issir ġustizzja.