Meta tkellem dwar il-kwistjonijiet fil-qasam tal-immigrazzjoni li żviluppaw fl-aħħar sigħat il-Prim Ministru, Joseph Muscat, tkellem dwar kif dawk tiegħu huma deċiżjonijiet li jittieħdu b’responsabbiltà.
Fuq ONE Radio spjega kif żviluppa l-każ ta’ bastiment tas-sajd b’450 immigrant fuqu li kienu sejrin lejn Lampedusa u li qabel daħlu fl-ibħra territorjali Taljani kien hemm min qal li għandhom jiddaħlu Malta.
Fisser x’kienu l-obbligi ta’ Malta f’dak il-mument, ewlieni li jsir moniteraġġ f’każ li jinqala bżonn ta’ għajnuna. Iżda, żied li l-gvern Malti ma kellu ebda jedd iwaqqafhom.
Eventwalment, fl-aħħar sigħat, kien hemm diskussjonijiet bejn il-Prim Ministru Malti u dak Taljan.
“Ilbieraħ filgħaxija waqt li beda jintqal dan kollu u t-Taljani ndunaw li Malta qiegħda korretta legalment kelli diskursata telefonika mal-Prim Ministru Taljan.” Kien ċar li l-Prim Ministru Taljan kien qed jaċċetta li dawn mhux se jiġu Malta. Malta m’għandiex kompetenza u dawn il-persuni huma responsabbiltà tal-Italja,” spjega l-Prim Ministru. Fisser kif hawn intalab juri solidarjetà.
“Malta mhux biss titlob is-solidarjeta imma Malta tagħti s-solidarjeta. Aħna konna l-ewwel pajjiż u wieħed mill-ftit li meta kien hemm il-kriżi fl-eqqel tagħha fl-Italja u l-Greċja aħna konna ħadna s-sehem tagħna,” qal Joseph Muscat li spjega kif dan kollu jsir fl-interess nazzjonali.
“Li kieku tirraġuna, kif jirraġunaw xi wħud li jaraw sal ponta ta’ mneħirhom, u tgħid aħna ma nieħdu xejn iżda nippretendu lil ħaddieħor jieħu minn tagħna… jekk ikollok każ partikolari jew kriżi u mmorru nitolbu għas-solidarjetà l-Prim Ministri l-oħra jgħiduli aħna meta tlabna sinjal ċkejken m’urejtux solidarjetà,” spjega Joseph Muscat.
“Din id-deċiżjoni li nerfagħha jien. Hija deċiżjoni ta’ responsabbiltà. Jien Prim Ministru biex nieħu d-deċiżjonijiet,” żied Joseph Muscat.
“Meta jkun hemm kwistjonijiet fil-futur ngħid li Malta dejjem għamlet ix-xogħol tagħha. Dak huwa argument morali u politiku b’saħħtu ħafna,” tenna l-Prim Ministru li fisser kif kien mal-mument li l-gvern Taljan irrikonoxxa li 450 immigranti mhux ġejjin Malta offra l-għajnuna. “Naraw kemm nifilħu. Aħna ngħamlu sehmna,” qal Joseph Muscat.
Qal li dan kollu jwassal biex Malta jkollha iktar kredibbilta. Spjega li l-ġimgħa l-oħra telqu iktar minn 50 persuna minn dawk li ġew fuq il-Lifeline u dalgħodu se jkunu telqu t-tieni grupp lejn il-Lussemburgu. “Dan bla preċedent. Fl-ebda pajjiz tal-UE ma kien hemm xi ħaġa bħal din. Id-deċiżjonijiet noħduhom fil-medium u l-long term,” żied il-Prim Ministru li spjega kif kull deċiżjoni se twassal għal kritika. “Spiċċajna attakkati għax ittieħdu passi legali kontra l-kaptan tal-lifeline. Bilfors kellhom jittieħdu dawk il-passi. Jien ma stajtx inħalli deċiżjoni bħal dik, issa tiddeċiedi l-Qorti fl-awtonomija tagħha,” kompla jgħid il-Prim Ministru li tkellem ukoll kif Malta tosserva regoli internazzjonali biex ikunu salvajti l-ħajjiet. Fuq kollox qal li Malta mhux se ċċedi għall- pressjoni mhux ġustifikata ta’ pajjiżi ikbar.
“Rajna kif meta ngħidu le għax għandna raġun, il-le tagħna jirbaħ,” tenna l-Prim Ministru li appella għas-sens komun mingħajr estremiżmi.