Fis-sajf, se nitkellmu fuq is-sess fuq ONE Radio.
Dan flimkien ma’ Matthew Bartolo, li hu counsellor li jispeċjalizza fis-sess u relazzjonijiet. Huwa wkoll edukatur dwar il-ħajja sesswali u lettur kemm f’korsijiet l-Universita’ ta’ Malta u anke barra. Kemm ilu li ġie lura Malta, madwar erba’ snin ilu, Matthew ħoloq kuncett ta’ tim ta’ professjonisti minn oqsma differenti.
Dan it-tim bl-isem ta’ Willingness jinkludi psikoterapisti, counsellors, psikologi, psikjatra, fiżjoterapisti, terapisti tal-familja u parent coach. Dawn il-profesjonisti jaħdmu flimkien sabiex jagħtu servizz multidixxplinarju lil-klijenti tagħhom. Dan ifisser li jiltaqgħu ta’ spiss biex jitgħalmu u jiddiskutu każijiet flimkien.
Willingness jaħdmu ħafna fuq temi ta’ saħħa, sesswalita’ u familja. Jorganizzaw sensiela ta’ laqgħat kemm għall-ġenituri kif ukoll għall-profesjonisti sabiex jedukaw dwar dawn it-temi. Parti mix-xogħol li jagħmlu biex iżidu tagħrif dwar is-sess u relazzjonijiet hu programm tar-radju bl-isem: Niddiskutu s-Sess fuq One Radio.
Nistaqsu lil Matthew: x’se nistennew din is-sena?
“Din is-sena mexxejna l-programm il-quddiem u se jibda’ jkun nhar ta’ Tlieta fit-8.30pm. Se nżommu l-format li tant niżel tajjeb is-sena li għaddiet. L-ewwel 20 minuta ser tkun diskursata ma’ personalità. L-idea hi li mhux professjonisti biss jiddiskutu s-sess iżda kulħadd.
Dan hu l-mod tiegħi kif niġġieled l-idea li s-sess huwa tabu.
Imbagħad it-tim kollhu ta’ Willingness jirrispondi mistoqsijiet li jibgħatu s-semmiegħa tagħna. Din hi opportunità tad-deheb għax għandek tim ta’ professjonisti jiddiskutu l-problema tiegħek. Ikolli ngħid li s-semmiegħa jirrikorru mhux ħażin ghal din it-taqsima. L-aħħar taqsima se tkun ma’professjonist u nitkelmu dwar problemi u trends ġodda fis-sess u s-sesswalità.”
Tista’ ttina ftit ismijiet ta’ personalitajiet u idea ta’ suġġetti li se jkunu fuq il-programm?
“Bħalissa ma tantx nista’ ngħid, pero’ se nkunu qed niddiskutu suġġetti u mistoqsijiet fuq fomm kulħadd. It-tim kollu se jiddiskuti l-postijiet tal-massaġġi li qed jinbtu f’kull raħal. Se nitkelmu wkoll dwar il-pornografija, selfies, anzjeta’, drogi, u kif dawn kollha jaffetwaw s-saħħa sesswali tagħna. Se jibda jkollna parir dwar ir-relazzjoni u parir dwar is-sess f’kull programm. L-għan tagħna hu li jkollna program interessanti, leġġer iżda informattiv.
Min jixtieq iżomm ruħu aġġornat dwar il-programm li se jibda nhar il-5 ta’ Lulju, jista’ jfittex il-paġna fuq Facebook Niddiskutu s-Sess. Fuq din il-paġna tista’ ssib anke artikli u vidjos dwar is-suġġett.”