Il-valur tal-identità ta’ Għawdex irridu nkomplu nsaħħuh bl-użu għaqli tal-ambjent.
Kien dan il-messaġġ li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela, meta żar kumpless tal-ewwel xorta tiegħu, Tuta Accomodation, li joffri agrituriżmu f’Għawdex.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern irid ikompli jimbotta l-prodott lokali, b’dan kollu miġbur fl-istrateġija dwar Għawdex bħala gżira ta’ villaġġi.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li bħala Gvern se nibqgħu niddirezzjonaw l-investiment lejn il-ħarsien tal-pajsaġġ Għawdxi u Malti.
Dan il-kumpless f’Ta’ Kerċem, li gawda anki minn fondi Ewropej, apparti li joffri akkomodazzjoni ta’ kwalità, fih ukoll razzett u joffri diversi esperjenzi lill-viżitaturi, fosthom mixjiet qalb il-kampanja, ġbir ta’ frott sa terapija permezz tal-annimali.
Fiż-żjara ġiet innotata kif l-isfida tal-istaġjonalità hi waħda li qed tiġi indirizzata u dan ġie rifless f’riżultati b’saħħithom għat-turiżmu anki fil-gżira Għawdxija.
Waqt li kienu qed jdawwru lill-Prim Ministru madwar ir-razzett, it-tmexxija ta’ Tuta spjegawlu kif qed jimxu fuq il-kunċett ta’ “farm to fork”, fejn il-viżitaturi jingħataw l-opportunità li jiġbru l-prodotti friski huma stess mill-għelieqi li jinsabu fl-Agrituriżmu biex imbagħad il-prodotti tal-ikel offruti jkunu ġejjin mill-istess kumpless.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għall-Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri.